Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 145

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020 L-Arkivji tal-Każin Dorian Baldacchino Il-każin minn dejjem kellu ħsieb li jkollu l-arkivju tiegħu. Ġiet identifikata kamra li kienet tintuża bħala store talkażin sabiex tiġi mibdula għal dan l-iskop. Kien hemm ħafna xogħol xi jsir sabiex din il-kamra tiġi attrezzata kif suppost. Wara li l-kamra ġiet żbarazzata, beda l-ewwel proċess billi nqala’ l-madum li kien hemm mal-ħitan tal-kamra kif ukoll ġew żarmati l-oġġetti li kien hemm fil-kamra. Ġiet instatallata sistema ġdida ta’ dawl aktar moderna peress li s-sistema li kien hemm kellha bżonn tiġi mibdula. Kien innotat li l-kamra kellha ħsarat ta’ umdità minħabba li kien qed jidħol l-ilma minn xi fili miftuħin. B’hekk tkaħħlu l-fili minn barra u nżebgħu biż-żebgħa tar-ramel. Sar ukoll il-kontrabejt u l-waterproofing, kif ukoll ġew mgħoddija katusi ġodda ħalli l-ilma ma joqgħodx fuq ilkamra li se sservi ta’ arkivju. Imbagħad il-kamra nksiet u anke inżebgħat minn ġewwa. Inħadem arkivju minn Raymond Woodworks ta’ Ħaż-Żebbuġ kif ukoll sett ta’ xkaffar apposta skont kif titlob is-sistema arkivista. Il-pass li jmiss kien li jinġabar il-materjal arkivistiku bħal minuti, rendikonti, korrispondenza, materjal diġitali (ritratti u videos), pubblikazzjonijiet tas-soċjetà (il-ktieb tal-festa), gazzetti (b’materjal marbut mal-każin) u oħrajn, li kienu jinsabu fis-soċjetà sabiex jinġabru kollha f’post wieħed. Dan ix-xogħol sar blgħajnuna ta’ Karmenu Busuttil. Wara li nġabar, il-materjal ġie magħżul, organizzat, ikkatalogat u merfugħ. Dan sar sabiex ikun iktar faċli li persuna ssib dak li tkun qed tfittex għar-riċerka tagħha. Proġett ieħor li sar sabiex nippreservaw il-materjal li nsibu fl-arkivju tas-Soċjetà tagħna kien li bl-għajnuna tal-Għaqda Każini tal- Baned, ibbenefikajna mill-iskema ta’ diġitalizzazzjoni tal-materjal arkivistiku. B’hekk intagħżel il-materjali li jmur lura aktar minn tletin sena bl-skop li nipproteġu dan il-wirt tagħna. L-appell tiegħi huwa dak li nkomplu nħarsu l-istorja tas-Soċjetà tagħna. Qed issir sejħa pubblika sabiex dawk kollha li għandhom materjal marbut mas-Soċjetà jew mal-festa bħal ngħidu aħna: ritratti, vidjows, dokumenti, poeżiji, souvenirs pubblikazzjonijiet u kull forma ta’ materjal marbuta mal-festa, il-każin jew il-parroċċa tagħna joffruhom bħala donazzjoni għall-arkivju tal-Każin. Dan tistgħu tagħmluh billi tavviċinaw lili, Dorian Baldacchino jew lis-Sur Karmenu Busuttil għal aktar informazzjoni. Għal dawk l-individwi li jixtiequ jżommu kopja talmaterjal, il-Każin qed joffri li jagħmel kopja diġitali tiegħu, ħalli l-original jibqa’ għand l-individwu. Ma’ kull donazzjoni l-individwu se jingħata formola ta’ donazzjoni bħala rċevuta. Tajjeb li jingħad li dan l-Arkivju seta’ jitwaqqaf bis-saħħa ta’ fondi (fuq €3,000) li s-Soċjetà tagħna kisbet mill-Kunsill Malti għall- Arti u l-Kultura taħt waħda milliskemi li jinħarġu minn żmien għal żmien biex jiġu megħjuna inizjattivi meħuda mill-każini talbanda. 143