96
Mill-Ewwel Ġebla
sas-Salib
JoHn Xerri
Sa mill-bidu tas-seklu għoxrin, il-poplu Xewki
wera x-xewqa tiegħu li jibni knisja ġdida, peress li
l-popolazzjoni tar-raħal baqgħet dejjem tiżdied.
L-ewwel attentat biex tinbena knisja ġdida kien fi
żmien l-Arċipriet Pietru Pawl Ciantar segwit missuċċessur
tiegħu Dun Anton Grima, però t-talba
tagħhom dejjem ġiet miċħuda.
Fi żmien l-Arċipriet Dun Ġużepp Grech, il-knisja
baqgħet tinħass iktar ċkejkna għall-popolazzjoni
tax-Xewkija. Għaldaqstant, wara li ħa l-pussess tiegħu
bħala Arċipriet tal-parroċċa, reġa’ għamel it-talba
biex tinbena knisja ġdida fix-Xewkija. Sa dan iżżmien,
l-Isqfijiet qatt ma kienu approvaw permessi
biex jinbena tempju ġdid fix-Xewkija, prinċipalment
minħabba l-iskultura li kienet tinsab f’din il-knisja
qadima, li hija ċertament unika għall-gżejjer tagħna
u anke peress illi kien hemm biża’, li sa meta jitlesta
x-xogħol fuq knisja ġdida, il-parroċċani ma jkollhomx
post fejn isiru s-servizzi liturġiċi.
Wara numru ta’ diskussjonijiet bejn Mons. Ġużeppi
Pace l-Isqof ta’ Għawdex, l-Arċipriet Ġużepp Grech,
il-kleru u delegazzjoni mill-poplu, Mons. Isqof ċeda
għall-insistenza tax-Xewkin u tenna dawn il-kelmiet,
“Ibdew iġbru l-flus sabiex meta jkollkom somma
sabiħa tiġi mitmuma x-xewqa tagħkom u tal-antenati
tagħkom u tibdew knisja ġdida.” Din il-wegħda saret
bil-patt illi l-iskultura antika tiġi presevata f’mużew
mibni apposta għaliha u bil-patt illi l-poplu jibqa’ servut
tajjeb fil-qadi tas-servizzi reliġjużi. Kien propju Ħadd
qabel il-festa tas-sena 1948 meta l-Arċipriet il-Wisq
Reverendu Dun Ġużepp Grech ħabbar minn fuq ilpulptu
illi d-diffikultajiet li kienu ltaqgħu magħhom ta’
qabilhom, issa, kienu ġew kollha mirbuħa u kien wasal
iż-żmien li x-Xewkin jibdew ħidmiethom fuq il-proġett
ta’ knisja ġdida. Fl-istess diskors tiegħu, l-Arċipriet kien
għamel talba għall-kuraġġ, volontà tajba u sagrifiċċju,
filwaqt li talab lil kulħadd biex jgħin mill-aħjar li seta’
sabiex iwettqu l-ħolma tagħhom.
Il-poplu wieġeb b’ġenerożità għal dan l-appell u
għaldaqstant, meta bdew isiru ġabriet ta’ flus u anke
ġbir ta’ deheb, kulħadd ikkontribwixxa mill-aħjar li
seta’. Il-pjanti ta’ dan il-proġett ġew afdati f’idejn il-Perit
Ġuzè Damato li laqa’ bil-ferħ dan ix-xogħol. Min-naħa
tiegħu, huwa wiegħed li jibni knisja tonda madwar ilqadima,
li jkollha l-kapaċità li tesa’ elfejn ruħ bilqiegħda
u erbat elef bilwieqfa. Kull min ra din il-pjanta, baqa’
mistagħġeb bil-kobor u ġmiel tagħha.
It-tul ta’ din il-knisja tonda huwa ta’ 208 pied minn
ġewwa u l-ikbar wisgħa huwa ta’ 140 pied. Id-dijametru
fil-għoli tal-koppla huwa ta’ 82 pied minn ġewwa u
90 pied minn barra. Din il-koppla tistrieħ fuq tmien
kolonni li huma tal-ferrokonkrit, miksija bil-ġmiel talġebla
Għawdxija.
Fuq xewqa ta’ dan l-istess Perit, l-ippjantar tal-knisja
l-ġdida beda fid-19 ta’ Novembru 1951. Tajjeb li
wieħed jinnota illi peress li huwa kien devot kbir ta’
San Ġużepp, kull opra kbira li ħarġet minn taħt idejh,
dejjem kienet mibdija fid-dsatax tax-xahar u l-ebda
xogħol ma fallielu.
It-tqegħid solenni tal-ewwel ġebla sar fl-4 ta’ Mejju
1952 mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Ġużeppi Pace, Isqof ta’
Għawdex. Dakinhar kull Xewki kif ukoll numru kbir ta’
Għawdxin u Maltin oħra kienu miġbura madwar l-Isqof,
l-Arċipriet u l-kleru biex jingħaqdu fil-ferħ ta’ ġrajja
hekk kbira. Mons. Isqof ġie milqugħ trijonfalment minn
għadd kbir ta’ muturi u oħrajn fuq iż-żwiemel li skortaw
il-karozza mill-palazz Veskovali sax-Xewkija. Meta
l-karozza tal-Isqof waslet fejn il-mitħna ta’ tarf ir-raħal,
din ġiet miġbuda bil-ħbula sal-pjazza akkumpanjata