Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 97

95 Loranne Vella Zahra Mogħtija l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika Loranne Vella Zahra twieldet f’Għawdex fl-10 ta’ Ġunju 1971. Hija għaddiet l-ewwel snin ta’ tfulitha fin-Nadur mal-ġenituri u n-nanniet tagħha. Meta kellha sentejn u nofs, hija bdiet tattendi l-iskola tat-tfal żgħar għand is-sorijiet Frangiskani tan-Nadur. Meta għalqet erba’ snin, hija marret toqgħod malfamilja tagħha fix-Xewkija. Attendiet l-Iskola Primarja tax-Xewkija u wara l-Junior Lyceum Agius De Soldanis fir- Rabat (illum Gozo College Middle School) fejn għażlet li tkompli tistudja x-xjenza bħala s-suġġett favorit tagħha. Hija kompliet l-istudji tagħha fix-xjenza fil-livell avvanzat fis-Sixth Form Sir Michelangelo Refalo f’Għawdex u wara għażlet li ssegwi l-kors tal-Farmaċija fl-Università ta’ Malta fl-1990. Waqt il-proġett ta’ riċerka undergraduate tagħha fl- 1994, hija iżolat, identifikat u semmiet batterju ġdid li jappartjeni għall-ġeneru Salmonella – imsemmi bħala Salmonella Gozo – ad unur il-gżira fejn ġie iżolat il-batterju għall-ewwel darba. Sussegwentement hija ggradwat b’first class honours fil-Farmaċija mill- Fakultà tal-Mediċina u Kirurġija fl-Università ta’ Malta f’Novembru tal-1994. Vella Zahra kompliet ir-riċerka postgraduate filmikrobijoloġija medika ġewwa d-Dipartiment tal- Patoloġija, fl-Università ta’ Malta. Ix-xogħol tagħha kien jiffoka fuq id-dijanjosi klinika ta’ infezzjonijiet mill-fungus, fejn kisbet finanzjament lokali sabiex tgħin lill-pazjenti b’dan il-mard. Bis-saħħa ta’ dan, fl-1995, hija rnexxielha twaqqaf l-ewwel laboratorju tal-mikoloġija medika għall-istudji kliniċi u għall-iżolazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ fungi patoġeniċi. Ir-riċerka primarja tagħha dwar l-infezzjonijiet mikotiċi f’Malta kompliet wara li, fl-1997, kisbet MPhil b’distinction fil-Patoloġija, fejn ippubblikat diversi riċerki f’ġurnali internazzjonali. Hija wkoll ħarrġet numru ta’ studenti Maltin tal-BSc u tal-Farmaċija waqt il-proġetti ta’ riċerka għall-gradwazzjoni tagħhom, fejn assigurat li l-mikoloġija ġiet stabbilita fis-setturi kliniċi kemm dawk pubbliċi kif ukoll fil-privat. Qabel ma bdiet taħdem fis-settur privat, hija lestiet il-pjan tad-disinn tal-laboratorju tal-mikoloġija għall-iSptar Mater Dei. Fl-2014, Loranne Vella Zahra ddisinjat u mexxiet b’suċċess proġett internazzjonali għall-IAG Group (British Airwasy and Iberia), sabiex dawn saru l-ewwel linja tal-ajru tal-merkanzija b’netwerk globali liċenzjat għat-trasport internazzjonali tal-farmaċewtiċi. Għal dan ix-xogħol tagħha, fit-13 ta’ Diċembru 2019, Loranne Vella Zahra ġiet onorata bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika fiċ-Ċerimonja ta’ Investitura li tmexxiet mill-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz, il-Belt Valletta. Unur simili kien ġie mogħti wkoll lin-nannu tagħha Anġlu Camilleri fis-sena 2014 bħala Uffiċjal fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu. Vella Zahra ltaqgħet mar-raġel tagħha Adrian waqt li kienu studenti l-Università u huma żżewġu fil-5 ta’ Ottubru 1997 u għandhom żewġt itfal, Nicole Deanna u Matthew Aidan. Illum, hija tgħix fir-Renju Unit fejn tmexxi kumpanija tagħha ta’ konsulenza dwar il-kwalità farmaċewtika. Hija toqgħod Londra flimkien ma’ żewġha u uliedhom.