87
mibnija f’dan il-post mill-Franġiskani nsibu ġebla antika
li fuqha jidhru affreski tal-Kruċjati li jirrappreżentaw
diversi tradizzjonijiet marbuta ma’ dan il-post. Bħalma
għamel Ġesù qabel daħal Ġerusalemm, aħna wkoll
bqajna telgħin fuq nett tal-Għolja taż-Żebbuġ li toffri
panorama mill-isbaħ tal-belt ta’ Ġerusalemm. Minn
hawn Ġesù ħares lejn din il-Belt Qaddisa u beka meta
ħabbar id-distruzzjoni li kellha tiġrilha. Il-kappella tad-
Dominus Flevit li nsibu f’dan il-post tfakkar preċiżament
din il-ġrajja.
Fuq l-Għolja taż-Żebbuġ u madwarha seħħew ħafna
episodji bibliċi u għalhekk insibu diversi kappelli u
santwarji. Il-knisja tal-Pater Noster, li tifforma parti
mill-monasteru tal-klawsura tas-sorijiet Karmelitani,
tfakkar it-tagħlim tat-talba tal-Missierna minn Ġesù lillappostli.
Fil-fatt mal-ħitan tal-knisja minn barra nsibu
diversi talbiet fiċ-ċeramika tal-Missierna fil-lingwi kollha,
inkluż bil-Malti.(20) Knisja oħra fuq din l-għolja, li wkoll
tifforma parti minn kunvent tal-klawsura, din id-darba
ta’ sorijiet Russi Ortodossi, hija dik iddedikata lil Marija
Madalena(21) li skont il-Vanġeli baqgħet ma’ Marija u
Ġwanni taħt is-salib ta’ Ġesù u kienet l-ewwel waħda li
rat lil Ġesù meta qam mill-mewt.
Ftit ’il bogħod mill-knisja tal-Pater Noster fuq il-quċċata
tal-Għolja taż-Żebbuġ, f’post li llum jifforma parti minn
moskea Musulmana, insibu struttura żgħira u sempliċi
b’forma ottagonali bil-kolonni u l-arkati msaqqfa
b’koppla li tfakkar l-Axxensjoni,(22) it-tlugħ fis-sema
ta’ Ġesù. Hawnhekk insibu dik li skont it-tradizzjoni hija
maħsuba li hi l-marka tas-sieq tal-lemin ta’ Ġesù li ħalla
fl-art qabel ma tela’ s-sema.
Imbagħad inżilna n-naħa ta’ isfel tal-Għolja taż-Żebbuġ
lejn il-ġnien tal-Ġetsemani(23) li bil-Lhudi jfisser
magħsar taż-żejt. Fil-fatt f’dan il-ġnien illum għad
fadal tmien siġriet taż-żebbuġ antiki ħafna li minnhom
għadhom jagħsru ż-żebbuġ għaż-żejt li jintuża fillampieri
tal-bażilika tal-Agunija(24) li nsibu maġenb
dan il-ġnien. F’din il-knisja, b’mużajċi mill-isbaħ malħitan,
mas-saqaf u mal-faċċata, insibu l-blata qaddisa
li fuqha Ġesù talab u għereq l-għaraq tad-demm fil-lejl
ta’ qabel il-passjoni u l-mewt tiegħu. Filgħaxija kellna
x-xorti li nattendu għall-adorazzjoni, Ora Santa li ssir
f’din il-knisja. Dan stajna nagħmluh biss peress li konna
akkumpanjati minn Patri Franġiskan, għaliex ma tkunx
miftuħa għal kulħadd. Kienet esperjenza profonda
ħafna f’ambjent ta’ ġabra u ħemda li jistiednek għattalb
u r-riflessjoni. Mingħajr ma trid, tħoss lill-Mulej
iħeġġek biex tishar ftit miegħu. Wara ħadna sehem ukoll
fil-purċissjoni bl-Ewkaristija li ssir fil-ġnien taż-Żebbuġ.
Kienet esperjenza suġġestiva ħafna.
Qrib ħafna tal-Ġetsemani, fil-qiegħ tal-Wied ta’ Kedron
li jifred l-Għolja taż-Żebbuġ mill-Għolja tat-Tempju
f’Ġerusalem, żorna l-kripta, li tinżel għaliha minn taraġ
twil u wiesa’, fejn jinsab il-qabar li fih tqiegħdet il-Verġni
Marija u minn fejn ġiet imtellgħa fis-sema. F’nofs dan
it-taraġ hemm żewġ kappelli faċċata ta’ xulxin, waħda
ddedikata lil Sant’ Anna u San Ġwakkin, il-ġenituri ta’
Marija, u l-oħra lil San Ġużepp. Illum din il-kripta hija
f’idejn l-Ortodossi Griegi u Armeni.
Issa kien imiss li nidħlu f’Ġerusalemm, fil-belt antika
mibnija fuq l-għoljiet tal-Ġudea u mdawra bis-swar.
Ġerusalemm hija meqjusa bħala l-belt qaddisa mhux
biss mill-Insara iżda wkoll mil-Lhud u l-Musulmani.
Għalina l-Insara dan huwa l-post fejn Kristu kien
imur jgħallem fit-tempju u fejn seħħew il-ġrajjiet talpassjoni,
il-mewt u l-qawmien tiegħu. Għal-Lhud din
hija l-belt tat-Tempju tal-Arka tal-Patt li bena David u
għall-Musulmani hija l-post minn fejn huma jemmnu
li l-Profeta Muhammed tela’ l-Ġenna. Fil-fatt din il-belt
hija miżgħuda b’iktar minn 150 knisja, 1200 sinagoga u
70 moskea. Il-lukanda tagħna f’Ġerusalemm kienet fiċċentru
l-antik, b’toroq dojoq mimlija bi ħwienet żgħar
u swieq tal-Għarab li kuljum jimtlew b’numru kbir ta’
turisti u pellegrini.
Waranofsinhar tlajna fuq l-Għolja ta’ Sijon, l-ogħla post
f’Ġerusalemm l-antika fejn seħħew diversi avvenimenti
bibliċi. Hawnhekk insibu ċ-Ċenaklu, jew il-“kamra ta’ fuq”,
il-post li fih Ġesù għamel l-aħħar ċena, il-post li fih deher
lill-appostli wara li qam mill-mewt, fejn deher lil Tumas
tmint ijiem wara, u fejn imbagħad niżel l-Ispirtu s-Santu
fuq Marija u l-appostli miġburin flimkien fil-Penteksote.
Ħadna sehem fil-quddiesa ċċelebrata fiċ-Ċenakolino,
fil-kappella tal-kunvent li l-Franġiskani bnew qrib
iċ-Ċenaklu. Ftit passi ’l bogħod żorna s-Santwarju tad-
Dormizzjoni tal-Verġni Marija li fil-kripta tiegħu hemm
statwa tal-Madonna mimduda fir-“raqda” tagħha, biex
tfakkar it-tradizzjoni li Marija temmet jiemha fuq din
l-art fuq l-Għolja ta’ Sijon f’Ġerusalemm.
Imbagħad kien imiss li nżuru l-famuż Ħajt tal-Punent
ta’ Ġerusalemm,(25) l-uniku fdalijiet li baqa’ mill-ħajt
tat-Tempju ta’ żmien Kristu. Dan huwa l-aktar post
sagru għal-Lhud fejn huma jiġu biex jitolbu u jaqraw
it-Torah - il-Bibbja tagħhom. Huwa l-post ukoll fejn
matul ż-żminijiet il-poplu Lhudi nġabar biex jibki
d-distruzzjoni tat-Tempju, għalhekk jgħidulu wkoll il-
Ħajt tal-Biki (Wailing Wall). Hawnhekk, in-nisa u l-irġiel
għandhom taqsimiet separati għalihom fejn jitolbu. Filfili
tal-ġebel kbir li jiffurmaw dan il-ħajt il-Lhud ideffsu
karti li fuqhom ikunu kitbu t-talb u x-xewqat tagħhom.
Esperjenza oħra sabiħa kienet il-Via Dolorosa,(26) it-
Triq tas-Salib, bl-erbatax-il stazzjon jeħduna ’l hawn u
’l hemm mat-toroq dojoq ta’ Ġerusalemm minn fejn hu
maħsub li Kristu stess terraq fil-passjoni tiegħu, fosthom
il-kappella tal-Flaġellazzjoni, il-kappella tal-Kundanna
u tat-Tagħbija tas-Salib.
Imma l-iktar post li jiġbed nies f’Ġerusalemm u l-iktar