Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 90

88 post qaddis għalina l-Insara huwa bla dubju l-bażilika tal-Qabar ta’ Kristu(27) fejn seħħew il-ġrajjiet tassalvazzjoni tagħna. Biex ngħid il-verità dan il-post kien totalment differenti minn kif qatt immaġinajtu. Minn barra din il-bażilika tidher ftit mitluqa u kif tidħol ġewwa jilqgħek ambjent mudlam b’taħlita ta’ stili u ornamenti u riħa qawwija ta’ inċens u li jiġbor fih aktar minn tletin kappella u postijiet ta’ qima differenti. Kieku mhux għax kellna l-gwida tagħna Fr Twanny Chirchop, il-Kummissarju Malti tal-Art Imqaddsa, li b’tant ħila fehemna u għaddielna l-informazzjoni neċessarja dwar l-istorja xi ftit kumplikata ta’ dan l-imkien qaddis, naħseb li ma konniex napprezzaw dan il-post kif inhu xieraq. Bilgħajnuna tiegħu kellna ċ-ċans li filgħodu kmieni ħafna nattendu għall-quddiesa tal-Għid fl-Edikola tal-Qabar ta’ Kristu,(28) li hija kappella żgħira ħafna ġol-bażilika stess, li fiha żewġ ambjenti, il-kamra ta’ barra li fiha kien isir id-dlik qabel id-difna u iktar ’il ġewwa l-kamra żgħira tal-Qabar, li llum hija miksija kollha bl-irħam. Għalkemm kellna noqogħdu quddiesa sħiħa bilwieqfa, skomdi u mdeffsin fir-rassa, kollha kemm aħna apprezzajna l-fatt li kellna din ix-xorti kbira li nkunu fil-post li jirrappreżenta l-qofol tal-fidi tagħna, il-post tal-QABAR VOJT. Vojt mhux għax l-għadam tmermer jew insteraq, imma għax min indifen hemmhekk ma għadux hemm għax QAM. Ftit passi ’l bogħod mill-Qabar fl-istess santwarju, imma iktar fil-għoli, insibu l-Kalvarju jew il-Golgota,(29) li titla’ għalih minn taraġ dejjaq u wieqaf, fejn wieħed jista’ jara l-blata bil-ħofra li ġo fiha tpoġġa s-salib ta’ Ġesù. Fl-istess livell insibu żewġ kappelli ħdejn xulxin iddedikati lill-Kruċifissjoni, waħda tal-Kattoliċi u l-oħra tal-Griegi Ortodossi. Bejniethom hemm l-altar ta’ Marija Addolorata. Faċċata tal-bieb prinċipali tas-santwarju rajna wkoll blata li tfakkar l-post fejn tpoġġa l-Ġisem ta’ Kristu wara li tniżżel mis-salib, biex jiġi mħejji għaddifna.(30) Kappelli oħra fis-santwarju jimmarkaw il-post fejn hu maħsub li Ġesù Rxoxt iltaqa’ ma’ Marija Madalena u oħra li skont it-tradizzjoni tfakkar id-dehra ta’ Ġesù lil Ommu Marija, li għalkemm mhijiex deskritta fil-Vanġelu, wieħed jimmaġina li seħħet. Fil-kripta tas-santwarju hemm il-kappella li tfakkar s-sejbien tal-fdalijiet tas-Salib ta’ Kristu minn Sant’ Elena.(31) Filgħaxija attendejna wkoll għall-purċissjoni ta’ talb u meditazzjoni fuq il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, li ssir ġol-bażilika mmexxija mill-patrijiet Franġiskani.(32) Fl-aħħar jum tal-pellegrinaġġ tagħna żorna parti aktar trankwilla ta’ Ġerusalemm fejn tinsab il-knisja ta’ Sant’Anna.(33) Hawnhekk, skont it-tradizzjoni, għexu n-nanniet ta’ Ġesù, Anna u Ġwakkin u fejn wkoll twieldet binthom il-Verġni Marija. Eżatt maġenb din il-knisja hemm sit arkeoloġiku magħruf bħala l-Menqgħa ta’ Bethesda(34) fejn Ġesù kien fejjaq ir-raġel paralitiku. għamilna waqfa u ħadna sehem fil-quddiesa fir-raħal Għarbi ta’ El-Qubeibeh fejn hu maħsub li kien ir-raħal ta’ Għemmaws(35) li fih Ġesù daħal għand id-dixxipli Kleofa u Xmun u wera ruħu rxuxtat waqt il-qsim talħobż. Minn hemm komplejna triqitna lejn Nablus - belt fix-xatt tal-Punent tal-Palestina, fejn fi żmien Ġesù kienet is-Samarija. Hawnhekk insibu l-muntanja Garizim li kienet post sagru għas-Samaritani li ma kienu jaqblu xejn mal-Lhud. F’Nablus ukoll żorna l-knisja Griega Ortodossa li fil-kripta tagħha nsibu l-Bir ta’ Ġakobb, fejn Ġesù ltaqa’ mal-mara Samaritana u talabha tagħtih jixrob. Taħt l-għoljiet tas-Samarija, ftit aktar ’il bogħod minn Nablus, imbagħad żorna r-raħal ta’ Sebastia li wkoll għandu konnessjoni mal-patrun tagħna Ġwanni l-Battista għax hawnhekk skont it-tradizzjoni huwa l-post fejn id-dixxipli ta’ Ġwanni ġabu l-ġisem mejjet tiegħu u difnuh(36) wara li Erodi Antipa ordna li tinqatgħalu rasu. Fil-pjazza ewlenija ta’ Sebastia nsibu moskea li hija mibnija fuq fdalijiet ta’ katidral antik minn fejn tinżel wieħed u għoxrin tarġa għal ġo kamra tad-dfin li fil-ħitan tagħha nsibu mħaffrin sitt oqbra. Ġo wieħed minn dawn l-oqbra, fis-saff ta’ isfel, jingħad li kien midfun Ġwanni. L-oqbra ta’ maġenbu jingħad li jappertjenu lill-Profeti Elija u Obadiah. Hawnhekk tlabna flimkien u bix-xieraq kantanja l-innu tal-Martirju tal-Battista li ftit tal-jiem wara, fid-29 ta’ Awwissu, konna se nfakkru l-festa tiegħu fir-raħal tax-Xewkija. Kull bidu fih it-tmiem tiegħu u dawn id-disat ijiem taru bħal żiffa riħ. Iż-żjara tagħna fl-Art Imqaddsa kienet esperjenza spiritwali u ta’ tiġdid għaliex flimkien bħala komunità tlabna u għamilna mixja fiżika li kienet simbolu tal-mixja tal-fidi tagħna bħala Insara. Minn issa ’l quddiem, kull meta nisimgħu l-Vanġelu jinqara żgur li ser nifhmuh aħjar, għaliex se nġibu quddiem għajnejna x-xeni tal-postijiet sagri assoċjati mal-ħajja ta’ Ġesù u ta’ Ġwanni l-Battista li kellna x-xorti nżuru. Ta’ min jgħid li dan il-pellegrinaġġ organizzat mill-parroċċa tagħna ried ikun ukoll tħejjija spiritwali għas-sena 2020 li fiha qed infakkru l-175 anniversarju mill-miġja tal-istatwa ta’ San Ġwann. Ħajr speċjali jmur lill-Arċipriet Mons. Daniel Xerri li organizza dan il-pellegrinaġġ parrokkjali u lil Fr Twanny Chirchop - Kummissarju Malti tal-Art Imqaddsa, li kien il-gwida tagħna u li pprovdilna minjiera ta’ informazzjoni mhux biss spiritwali iżda anke ġeografika u kulturali. Fuq kollox, kollha kemm aħna ħassejna li din l-esperjenza għenitna nikbru aktar bħala komunità u nibtet fina għaqda iktar f’saħħitha u ħbiberija ġenwina bejnietna, li huwa fuq kollox effett ħaj u mixtieq ta’ dan il-pelleġrinaġġ li għexna flimkien. Memorja mill-isbaħ li żgur ser tibqa’ f’moħħna u f’qalbna. Madwar ħdax-il kilometru ’l barra minn Ġerusalemm