Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 88

86 knisja nżuru l-qabar ta’ Lazzru(12) li llum huwa proprjetà tal-Musulmani. Biex tasal sal-qabar trid tinżel 27 tarġa mħaffra fil-blat. Filgħaxija wasalna Betlehem - il-belt ta’ David u l-post fejn twieled Ġesù. Betlehem, li bil-Lhudi tfisser “id-dar tal-ħobż” jew bl-Għarbi “id-dar tal-laħam”, hija mibnija fuq għolja fit-tarf tad-deżert ta’ Ġuda, fix-xatt tal-Punent tal-Palestina. Illum din il-belt hija ferm differenti minn kif kienet elfejn sena ilu fi żmien Kristu. Huwa post li jżuruh ħafna turisti u pellegrini u li fih insibu taħlita ta’ reliġjonijiet u kulturi differenti. Fil-fatt ħafna mirresidenti ta’ Betlehem jaqilgħu l-għajxien tagħhom mitturiżmu. It-toroq dojoq taċ-ċentru antik ta’ Betlehem huma miżgħuda bi ħwienet tas-souvenirs li jbigħu oġġetti reliġjużi - speċjalment statwi minquxa bl-idejn fl-injam tas-siġar taż-żebbuġ u oġġetti oħra magħmula mill-madre perla, sengħa li introduċewha l-Franġiskani biex jgħinu lill-Għarab Insara. Iżda Betlehem hija wkoll post ta’ kunflitti kbar politiċi bejn il-Lhud u l-Palestinjani, tant li fis-sena 2002 Iżrael bena ħajt tal-konkrit madwar parti minn Betlehem li jifred iż-żewġ popli u jagħmel il-ħajja ta’ poplu minnhom aktar diffiċli. Infatti kif ivvjaġġajna min-naħa għall-oħra tal-ħajt kienet evidenti ħafna għalina d-differenza tal-istil ta’ ħajja, livell ta’ għajxien u kultura bejn dawn iż-żewġ popli. Il-lukanda tagħna kienet fiċ-ċentru antik ta’ Betlehem eżatt ħdejn il-bażilika tan-Natività li hija mibnija fuq il-grotta tat-twelid ta’ Ġesù. Din il-bażilika hija l-eqdem knisja fl-Art Imqaddsa li għadha tintuża u waħda milleqdem fid-dinja. Illum din il-bażilika hija maqsuma bejn tliet denominazzjonijiet tar-reliġjon Kristjana, li huma l-Kattoliċi Rumani, il-Griegi Ortodossi u l-Armeni Ortodossi, li kollha jamministraw parti differenti talknisja. Fil-kripta ta’ din il-bażilika taħt l-altar maġġuri nsibu l-għar tan-Natività bil-maxtura. Timmarka l-post fl-art tat-twelid ta’ Ġesù, hemm kewkba tal-fidda b’erbatax-il ponta(13) bil-kliem “Hic de Virgine Maria Jesus Christus natus est” (‘Hawnhekk mill-Verġni Marija twieled Ġesù Kristu’). Fil-fatt l-għada li wasalna Betlehem qomna kmieni ħafna biex fil-ħamsa u nofs ta’ filgħodu attendejna għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Milied f’dan l-għar qaddis.(14) Kien l-uniku ħin talġurnata li stajna nsibu ftit kwiet f’dak il-post qabel ma jkun miftuħ għal numru kbir ta’ turisti u pellegrini li jżuruh kuljum. Maġenb il-bażilika tan-Natività żorna l-knisja ta’ Santa Katerina, mibnija mill-Franġiskani, li sservi bħala l-knisja parrokkjali għall-Kattoliċi f’Betlehem. Minn ġol-knisja nżilna minn taraġ dejjaq għal ġo kumpless ta’ għerien u kmamar imħaffra fil-blat li jfakkru personaġġi marbutin mat-twelid ta’ Kristu, fosthom San Ġużepp u l-Innoċenti Martri. Ma’ dawn hemm ukoll l-għerien fejn San Ġilormu għex għal tletin sena, flimkien mad-dixxipli Pawla u Ewstokja, fejn ittraduċa l-Bibbja mil-Lhudi u l-Grieg għal-Latin. Xi żewġ minuti ’l bogħod mill-knisja tan-Natività żorna s-Santwarju tal-Għar tal-Ħalib(15) fejn skont ittradizzjoni kienet tgħix il-Familja Mqaddsa f’Betlehem qabel ma ħarbu lejn l-Eġittu. Jingħad li waqt li Marija kienet tredda’ lit-tarbija Ġesù waqgħu xi qtar tal-ħalib u l-blat tal-għar sar ta’ kulur abjad. Sal-lum ħafna nisa jżuru dan il-post devozzjonali biex jitolbu l-grazzja tal-maternità. Madwar żewġ kilometri ’l barra minn Betlehem żorna l-Għalqa u l-Għar tar-Ragħajja(16) fejn titfakkar il-ġrajja tat-tħabbira tat-twelid tal-Messija mill-anġli lir-ragħajja. Hawnhekk inbniet knisja ċkejkna f’għamla ta’ għarix. Madwar tnax-il kilometru ’l bogħod minn Betlehem żorna r-raħal pittoresk u trankwill ta’ Ein Karem li bil- Lhudi jfisser “għajn id-dielja”. Fil-fatt dan il-post huwa miżgħud b’ħafna siġar u għelieqi tal-dwieli. Għalina li ġejjin mir-raħal tax-Xewkija dan il-post għandu sinifikat partikolari ħafna għax skont it-tradizzjoni hawnhekk twieled il-patrun tagħna San Ġwann Battista. F’Ein Karem żorna żewġ knejjes b’rabta mal- Prekursur. Imperreċ fuq għolja nsibu s-Santwarju tal- Viżitazzjoni(17) li jfakkar il-post fejn Eliżabetta nħbiet min-nies għal ħames xhur meta saret tqila fi xjuħitha u fejn laqgħet lil Marija meta marret iżżurha. Fuq barra mal-faċċata tal-knisja hemm mużajk li juri lil Marija sejra żżur lil Eliżabetta u mal-ħitan quddiem il-knisja nsibu madwar 50 plakka taċ-ċeramika li fuqhom hemm miktub il-Magnificat, b’lingwi differenti, fosthom bil- Malti. Fil-kripta tas-santwarju hemm bir li jimmarka l-post fejn jingħad li ltaqgħu Marija u Eliżabetta u kif ukoll ġebla kbira li warajha skont it-tradizzjoni Eliżabetta ħbiet lit-tarbija Ġwanni biex teħilsu mill-qilla tas-suldati meta Erodi ordna l-qtil tat-trabi innoċenti.(18) Iktar ’l isfel fil-wied żorna l-knisja li tfakkar it-twelid ta’ San Ġwann Battista. Il-Franġiskani bnew din il-knisja blgħajnuna tar-Reġina Isabella ta’ Spanja, li rregalat altar u opri artistiċi oħra fl-irħam. Il-qofol ta’ dan is-santwarju jinsab fl-għar li tinżel għalih minn taraġ fuq ix-xellug talpresbiterju, li jfakkar id-dar li fiha twieled il-Prekursur tal-Mulej. Kien mument speċjali ħafna għalina lkoll meta ngħatajna ċ-ċans li kull wieħed u waħda minnha ninżlu għarkupptejna u nbusu dan il-post qaddis,(19) l-istess bħalma qabel konna għamilna fil-grotta ta’ Betlehem. Tlabna flimkien bil-kantiku ta’ Żakkarija, il-Benedictus u ma naqasx li fl-aħħar nkantaw minn qalbna innu ta’ tifħir lill-patrun tagħna. Fis-sitt jum tlaqna minn Betlehem u fi triqitna lejn Ġerusalemm l-ewwel waqfa tagħna kienet fir-raħal ta’ Betfaġe li jinsab fit-telgħa tal-Għolja taż-Żebbuġ. Minn hawnhekk hu maħsub li Ġesù beda d-daħla trijonfali tiegħu f’Ġerusalemm riekeb fuq felu ta’ ħmara qabel il-passjoni, il-ġrajja li nfakkru f’Ħadd il-Palm. Fil-knisja