Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 86

84 Pellegrinaġġ Parrokkjali fl-Art Imqaddsa connie rapa Fis-sigħat bikrin tal-1 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra (2019) grupp ta’ 52 persuna, kważi kollha mix-Xewkija, iltqajna fil-pjazza tar-raħal biex flimkien mal-Arċipriet Dun Daniel Xerri u Fr Twanny Chirchop OFM bdejna vjaġġ, jew aħjar pellegrinaġġ ta’ disat ijiem fl-Art Imqaddsa. Fl-Art Imqaddsa nsibu postijiet sagri mhux biss għall- Kattoliċi iżda wkoll għal-Lhud u għall-Musulmani. Iżda għalina l-Insara dan il-post għandu sinifikat partikolari ħafna, għaliex fih seħħew il-ġrajjiet li naqraw fil- Bibbja, speċjalment dawk tat-Testment il-Ġdid, jiġifieri t-twelid ta’ Kristu f’Betlehem, it-trobbija u l-ħajja tiegħu f’Nazaret, il-bidu tal-ministeru tiegħu ħdejn il-Baħar tal- Galilija - fejn xandar il-kelma ta’ Alla u għamel il-mirakli, sal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-mewt tiegħu f’Ġerusalemm. Mal-wasla tagħna fl-ajruport ta’ Ben Gurion f’Tel Aviv Iżrael qbadna t-triq lejn il-Belt ta’ Haifa fejn fuq l-Għolja tal-Karmelu nsibu l-monasteru u s-santwarju ddedikat lil Marija, Stella Maris li tagħha hemm statwa sabiħa fuq l-altar maġġur. Din il-knisja hija mibnija fuq il-kripta tal-Profeta Elija. Minn hemm tlaqna lejn Nazaret (01) li llum hija l-belt ewlenija tal-Galilija imma fi żmien Kristu kien biss raħal żgħir minsi. Il-lukanda tagħna kienet eżatt ħdejn il-bażilika tal-Annunzjazzjoni.(02) L-għada filgħodu bdejna l-ġurnata tagħna f’Nazaret billi ċċelebrajna l-quddiesa fil-bażilika, fuq l-altar li hemm ħdejn id-dar tal-Madonna.(03) Kienet emozzjoni kbira niċċelebraw l-Ewkaristija fil-post fejn Marija qalet ‘Iva’ u l-Iben t’Alla sar bniedem fil-ġuf tagħha. Wara l-quddiesa komplejna nżuru l-bażilika tal-Annunzjazzjoni. Din hija maqsuma fi tnejn. Fil-parti ta’ isfel insibu diversi fdalijiet ta’ mqades u knejjes antiki fosthom altar li jinsab fil-grotta l-qadima fejn skont it-tradizzjoni kien hemm id-dar li fiha kienet tgħix Marija u fejn seħħet it-tħabbira tal-Anġlu Gabrijel. B’kuntrast qawwi mas-sempliċità tal-parti ta’ isfel, il-parti ta’ fuq tal-bażilika hija mimlija b’lussu artistiku u fiha ħafna twieqi bi stained glass bi lwien differenti. Il-koppla ta’ din il-bażilika minn barra tidher qisha kuruna rjali filwaqt li minn ġewwa tixbaħ ħafna warda tal-ġilju. Madwar il-bażilika minn barra hemm portiku li huwa miżgħud bi xbihat tal-Verġni Marija li ġejjin minn santwarji Marjani minn madwar id-dinja kollha, fosthom mis-Santwarju tal-Madonna tal- Mellieħa f’Malta u kif ukoll mużajk sabiħ tal-Madonna ta’ Pinu(04) li ġie inawgurat mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech f’Settembru tal-2018. Filgħaxija kellna x-xorti nattendu għall-purċissjoni aux flambeaux wara l-istatwa tal-Madonna, waqt ir-reċta tar-rużarju, b’kull postha tingħad b’lingwa differenti. Sr Chiara Pace u s-Seminarista Matthew Attard mill-grupp tagħna mexxew posta bil-lingwa Maltija. Konna impressjonati bl-attendenza u l-ħeġġa ta’ ħafna żgħażagħ li animaw bil-kant tagħhom. Qrib tal-bażilika żorna wkoll is-Santwarju ta’ San Ġużepp fejn skont it-tradizzjoni għexet il-familja Mqaddsa wara li ġiet lura Nazaret mill-Eġittu u li għalhekk kienet id-dar li fiha trabba u għex Ġesù. Qrib ukoll jinsab il-Mużew Arkeoloġiku tal-Franġiskani. Hawnhekk wieħed jista’ jifhem aħjar kif kien ir-raħal ta’ Nazaret fi żmien Ġesù u kif l-għar tal-Annunzjazzjoni kien jagħmel parti minn dan il-kumpless ta’ kmamar fil-blat, silos għall-qamħ u ambjenti fejn jinżammu l-bhejjem. Raħal ċkejken ta’ nies foqra imma ħaddiema, kif kienet il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi. Ftit ’il bogħod mis-Santwarju tal-Annunzjazzjoni tinsab l-għajn tal-Verġni Marija li kienet l-unika nixxiegħa tal-ilma fir-raħal ta’ Nazaret, minn fejn Marija kienet tmur timla l-ilma bħalma kienu jagħmlu n-nisa l-oħra ta’ Nazaret. Fil-Galilija, madwar seba’ kilometri ’l bogħod min- Nazaret, żorna wkoll l-Għolja Tabor fejn hemm bażilika li tfakkar it-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù.(05) Il-bażilika hija mdawla ħafna u fiha mużajk mill-isbaħ fl-abside li jirrappreżenta x-xena tat-trasfigurazzjoni u fil-kripta erba’ mużajċi li jirrappreżentaw it-twelid ta’ Ġesù f’Betlehem, it-twaqqif tal-Ewkaristija, il-Ħaruf tassagrifiċċju fuq is-salib u l-qabar vojt. Fi triqitna lura lejn Nazaret, tlajna fuq l-Għolja tal-Preċipizzju(06) fejn hu maħsub li n-nies ta’ Nazaret darba ħadu lil Ġesù biex jitfgħuh għal isfel iżda hu għadda min-nofshom u baqa’ sejjer. Minn hawn stajna nammiraw il-veduta spettakolari tal-Galilija li tidher taħt u tal-Wied ta’ Jeżreal. It-tielet ġurnata kienet iddedikata għall-baħar jew aħjar l-għadira tal-Galilija. L-ilma tal-Għadira huwa ħelu u ġej