Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 76

74 ta’ inkoraġġament li jagħtuna sabiex, bil-limitazzjonjiet kollha tagħna nkomplu naħdmu. Ringrazzjament ieħor jmur lejn l-isponsors kollha li jinsabu fuq il-kalendarju u nħeġġiġkom tagħmlu użu mill-prodotti tagħhom għax jekk ma jkunux dawn in-nies b’qalb tad-deheb nassigurakom li l-festa tnaqqas ħafna mis-sbuħija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ nar. Peress li aħna nixtru n-nar kollu lest, l-ispejjeż huma kbar u kull sena jiżdiedu speċjalment fejn jidħlu assikurazzjoni, ġarr bil-baħar, skorti tal-pulizija u ħafna spejjeż oħra relatati. Tajjeb insemmi li bħala attivitajiet kellhom jieqfu ħesrem malli bdew ħerġin id-direttivi mid-dipartiment tassaħħa. Għalhekk, bħala ħidma għal din is-sena kellha tieqaf ħesrem, u nerġgħu nibdew biss ladarba jkollna direttivi li huwa sigur li torganizza attività. Dan b’rispett l-ewwel u qabel kollox lejn il-familji tal-membri kollha tal-kumitat kif ukoll lejkom ix-Xewkin li dejjem ilqajtuna b’entużjażmu sabiex dejjem inkunu nistgħu nagħmlu festa kif jixraq lill-patrun tagħna San Ġwann Battista. Fl-aħħar nett ringrazzjament speċjali jmur għal Mons. Arċipriet Daniel Xerri li bħal dejjem kien ta’ spalla għalina u hekk reġa’ kien issa f’dan il-mument li hu tant diffiċli għal kulħadd. Minn hawn inħeġġiġkom sabiex tgħinu kif tistgħu lill-parroċċa tagħna u r-radju tal-komunità Radju Prekursur li tul il-pandemija baqgħu għaddejjin b’xogħolhom u saħansitra żiedu. Il-festa tmur u tiġi u din is-sena l-murtali tal-kulur se jkunu t-talb tagħna lil San Ġwann sabiex jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid u nerġgħu niċċelebraw kif jixraq il-kbir patrun tagħna San Ġwann Battista li bħalma għamel dejjem, dejjem żamm idejh fuqna!