Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 64

62 Barra minn dan, waqt il-vaganzi tal-Milied, organizzajna ħarġa għal Malta flimkien mal-abbatini tal-Parroċċa ta’ Kerċem. Morna naraw l-atmosfera sabiħa li kien hemm fid-daħla tal-Belt Valletta. IL-COVID-19 Is-sitwazzjoni partikolari li feġġet f’pajjiżna fis-7 ta’ Marzu wasslet sabiex il-quddies kollu jibda jsir fil-magħluq u l-laqgħat jintemmu ħesrem. Dan kollu wassal biex intemmu l-kuntatti ta’ bejnietna. Barra minn hekk ix-xogħol li kien isir fil-knisja minna l-abbatini waqaf kompletament. IL-ĠIMGĦA MQADDSA - LAQGĦAT B’MEZZI TEKNOLOĠIĊI Il-Ġimgħa Mqaddsa din is-sena kienet waħda speċjali fejn ma stajniex immorru ngħinu waqt iċċelebrazzjonijiet li jsiru f’dawn il-ġranet għeżież. Imma aħna l-abbatini bl-għajnuna tat-teknoloġija moderna għamilna kuntatti virtwali u filwaqt li qsamna bejnietna xi ħsibijiet, irreċitajna t-talba sabiħa tal-Via Sagra. Hekk stajna nitolbu flimkien f’dan iż-żmien diffiċli u uniku. IL-MIDJA SOĊJALI Inħeġġukom sabiex iżżommu ruħkom aġġornati fuq dak kollu li nagħmlu matul is-sena billi ta’ sikwit iżżuru l-paġna ta’ Facebook tagħna Abbatini Xewkija. Inkunu grati jekk tħallu xi kummenti kif ukoll tixxerjaw xi materjal li aħna nippostjaw fuq il-paġna tagħna minn żmien għal ieħor. GRAZZI... GRAZZI.....GRAZZI Grazzi kbira lill-ġenituri tagħna l-abbatini li jħeġġuna kontinwament u jsostnuna sabiex inkomplu nwettqu l-ħidma tagħna fil-parroċċa b’aktar impenn, dedikazzjoni u mħabba. Grazzi wkoll lill-Arċipriet, il-kleru u s-Seminaristi Franklin u Matthew li jakkumpanjawna fid-diversi impenji li jkollna matul is-sena. Grazzi lilkom il-parruċċani li tant tħeġġuna, tinkoraġġuna u tissapportjawna f’dak kollu li nagħmlu. Iżda fl-aħħar l-akbar grazzi tmur lill-Mulej li għażilna biex naqduh tant qrib, fuq l-altar.