Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 63

61 Mument ieħor ta’ talb kien waqt l-adorazzjoni li ssir kull l-ewwel Ħamis ta’ kull xahar fis-Seminarju Maġġuri. Matul din is-sena l-Arċipriet stieden lilna l-abbatini biex kull tieni Ħamis tax-xahar, nanimaw u mmexxu adorazzjoni b’talb speċjali għall-vokazzjonijiet, f’din is-sena ddedikata għal dan il-għan. Din l-adorazzjoni kienet issir fil-parroċċa tagħna. IL-ĠBIR TA’ FONDI Bħala attività ta’ ġbir ta’ fondi f’Settembru 2019, saret lotterija b’risq il-fond tal-abbatini. Tajna sehemna billi attendejna f’diversi ħinijiet matul il-jumejn ta’ tmiem il-ġimgħa sabiex inħajru lin-nies jipparteċipaw fil-lotterija. Dan il-fond jintuża sabiex jitħallsu l-ispejjeż taddiversi attivitajiet li jsiru matul is-sena għall-abbatini. X’GĦAMILNA WAQT IL-PERJODU TAL-MILIED 2019 DAQQA T’ID FIL-PARROĊĊA Minn żmien għal ieħor ġejna mitluba sabiex nagħtu daqqa t’id fejn kien hemm bżonn. Intlabna nagħtu ftit għajnuna fit-tindif ġewwa ċ-Ċentru Parrokkjali kif ukoll fil-knisja. Huma mumenti fejn aħna l-abbatini nħossuna fid-dmir li nagħtu xi ħaġa lura lejn il-parroċċa li tant tinvesti fina. Kif beda joqrob il-Milied żewġ abbatini tagħna, Euchar Bajada u Jean Pace ħadu l-inizjattiva biex jorganizzaw presepju taħt iz-zuntier tal-knisja. Għal diversi ġimgħat huma impenjaw ruħhom biex ħolqu xena sabiħa tannatività u b’hekk żiedu l-atmosfera tal-Milied ġewwa raħalna. Il-pasturi li ntużaw f’dan il-presepju ġew maħduma fit-tafal mill-istess abbati Jean Pace. DAQSXEJN SPORT Matul din is-sena organizzajna logħbiet tal-futbol ma’ għaqdiet ta’ abbatini minn parroċċi oħra f’Għawdex. Dawn kienu mumenti fejn fihom stajna naqsmu mumenti sbieħ ma’ abbatini oħra Għawdxin fosthom dawk tal-parroċċi ta’ Kerċem u tal-Għarb. FTIT DRAMA Fid-9 ta’ Novembru morna naraw il-musical li sar fl- Oratorju Don Bosco bl-isem Sound of Music. Imbagħad fit-22 ta’ Novembru morna naraw il-kummiedja li saret mis-seminaristi ġewwa s-sala tas-Seminarju Maġġuri t’Għawdex bl-isem ta’ Stejfen jilħaqlu. Appuntament ta’ kull sena fi żmien il-Milied, hija l- quddiesa f’għar ġewwa x-Xagħra, li tiġi organizzata għalina l-abbatini flimkien mal-familjari tagħna. Huwa appuntament li jnissel fina l-veru sens tal-ewwel Milied. Ma jonqosx li wara din il-quddiesa, ħadna xi ħaġa tajba filwaqt li qsamna l-awguri tal-Milied flimkien. Ingħatajna wkoll rigal ċkejken tal-Milied.