50
l-iskop tiegħu kien li jilqa’ milli t-trab jaqa’ fuq l-altar. Quddiem
l-altar kien hemm imdendel lampade, lampier.
Il-kappella kellha duo ostia, żewġ bibien – wieħed jagħti
lejn il-Punent u l-ieħor lejn it-Tramuntana. Tat-Tramuntana
kien dak ewlieni u seta’ jingħalaq b’bieb tal-injam. Il-bieb
tal-Punent, tal-ġenb, ma kellux għeluq, absque portis ligneis,
quae tamen sunt projectae in terram intus Ecclesiam. L-Isqof
sab il-bieb maqlugħ u kien mitluq fl-art ġewwa l-kappella.
Il-kappella kienet est tota dealbata, imbajda kollha
kemm hi. Meta mqabbla ma’ kappelli oħra, l-Isqof seta’
jinnota li din il-kappella kienet competenter lata et longa,
wiesgħa u twila mhux ħażin. Fi kliem ieħor kellha fejn
joqogħdu erbgħa min-nies sewwa.
3 • Kappella b’numru ta’ devoti
Meta l-Isqof staqsa jekk din il-kappella kellhiex xi dħul
weġbuh fin-negattiv, caret redditibus. Mhux biss, lanqas
ma kellha rettur, jiġifieri ma kienx hemm qassis li kien jieħu
ħsieb xi quddies li jsiru fiha. Kien qisu għalhekk li l-bieb kien
mitfugħ mal-art u ħadd ma ndenja ruħu jwaħħlu f’postu.
Minkejja dan, il-kappella kellha numru ta’ devoti. Tant hu
hekk li ejus festivitate, jiġifieri f’jum San Ġwann Battista, multi
fideles ob piam eorum devotionem, ħafna nies b’devozjoni
tħeġġeġ lejn il-Battista, kienu jiġbru bejniethom biex isir
xi quddies, nonnullas missas. Ġie li sar quddies etiam extra
festivitatem, anki f’jiem oħra li ma kinux ta’ festa.
Din hi tagħrifa importanti ħafna. Fil-ħâra tax-Xewkija,
erba’ mija u ħames snin ilu, in-nies tal-inħawi ġa kellhom
tħeġġeġ f’qalbhom imħabba speċjali lejn il-Battista. Dan hu
ppruvat mill-fatt li hi ħaġa rari ħafna li tiltaqa’ ma’ kappella li
nhar il-festa titulari kienu jsiru fiha nonnullas missas, numru
ta’ quddies. Kważi dejjem kienet issir quddiesa waħda biss
u f’jum il-festa biss.
Din id-devozjoni mħeġġa lejn San Ġwann hi msaħħa
wkoll mill-fatt li r-rapport ikompli li etiam extra festivitatem,
jiġifieri anki f’jiem oħra mhux ta’ festa matul is-sena, kien isir ilquddies.
Ħaġa iktar rari għal kappella fil-kampanja Għawdxija.
4 • Ordni lill-prokuratur
L-Isqof, kif kien għadu fuq il-post, sejjaħ quddiemu lil
Leonardus Merciecha, il-prokuratur tal-kappella u talbu
spjega tas-sitwazzjoni.
Mit-tweġiba tiegħu joħroġ ċar li l-qagħda kienet dik li
kienet imħabba l-faqar. Stqarrlu taħt ġurament, qui poenes
se asserit, li l-kappella ma kellha ebda dħul. Xehed ukoll
li kulma kellu f’idejh tal-kappella kienu quatuor tobalias
lineas, erba’ dvalji tal-għażel għall-altar.
L-Isqof, kif sema’ hekk, mandavit vendi et praetium
expendi in reparation ostii, ordnalu jbigħ dawn id-dvalji
u mill-flus li jdaħħal isewwi l-bieb. U kompla, ita ut
ecclesia claudatur, biex il-kappella tkun tista’ tingħalaq.
Iżda mbagħad ħasibha mill-ġdid u qallu jbigħ tnejn
biss, attamen retineat duas, u jżomm it-tnejn l-oħra,
naturalment, pro necessitate altaris dictae Ecclesiae, biex
ikun jista’ jużahom fuq l-altar tal-kappella.
5 • Kappella fil-kampanja
Erba’ mitt sena ilu, il-kappella ta’ San Ġwann kienet filkampanja,
li jfisser li fl-inħawi tagħha ma kien hemm ebda
bini.
In-nukleju jew iċ-ċentru tal-ħâra tax-Xewkija fis-sena
1615 kien jinsab fl-inħawi tal-kappella ta’ Santa Marija tal-
Ħamrija. Din il-kappella li kienet, bejn wieħed u ieħor, fejn
hemm sal-lum l-istatwa sabiħa tal-ġebel ta’ Santa Marija,
jiġifieri kantuniera bejn Triq il-Ħamrija u Triq Santa Katerina
(ara ritratt 3 – bil-kortesija ta’ Paul Falzon).
3
Din l-istatwa li hemm fil-kantuniera hi aktarx l-eqdem
waħda fix-Xewkija. Kontra dak li jaħsbu ħafna nies, din mhix
ta’ Santa Katerina, iżda statwa ta’ Santa Marija. Hu żball li
ilu ġej minn żmien żemżem, għax aktarx meta semmew
it-triq Santa Katerina għamlu hekk għax ħasbu li din l-istatwa
kienet tal-qaddisa. Kieku jiddeppendi minni, nagħmel kopja
tal-ġebel ta’ din l-istatwa u l-oriġinal nesponih fil-Mużew tal-
Iskultura tar-Rotunda. Kif ktibt imkien ieħor, din l-istatwa ta’
Santa Marija kienet fuq iz-zuntier tal-kappella tal-Ħamrija.
In-nies tal-ħâra tax-Xewkija dak iż-żmien kienu joqogħdu
f’dawk l-inħawi u kif nafu mill-istess viżta (ara VP (1615) 43r),
il-kappella ta’ Santa Marija kienet miżmuma wisq aħjar. Barra
dan, dik il-ħabta, din il-kappella kienet sabet benefattur kbir
– Fra Eugenio Romirez-Maldonado, il-Gvernatur ta’ Għawdex
minn Settembru 1610 sa Awwissu 1613. Kien dan l-istess
Gvernatur li ta bħala rigal il-bust ta’ Sant’Orsla lill-Katidral,
bust li qajjem devozjoni tant kbira li fis-sena 1620, Sant’Orsla
kienet dikjarata patruna ta’ Għawdex.
Minkejja kollox, kienet il-kappella ta’ San Ġwann filkampanja
tax-Xewkija li kellha ’l quddiem issir iċ-ċentru
tad-devozjoni tax-Xewkin u li, tliet mija u tletin sena wara,
kellha tinbena r-Rotunda proprju fil-post tagħha.