Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 51

49 il-kappella ta’ san ġwann battista Mir-rapporti tal-Viżti pastorali (3) Kappella fl-imwarrab b’ħafna devoti Mir-rapport tal-ewwel Viżta pastorali tal-isqof cagliares (1615) © josePh bezzIna • 2020 1 • Daħla Dan hu t-tielet artiklu fis-serje ta’ kitbiet riċerkati dwar l-Istorja tal-kappella ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija kif toħroġ mir-rapporti tal-viżti pastorali. Dawn ir-rapporti huma sorsi oriġinali u kontemporanji għal dak li jingħad u għalhekk ta’ min joqgħod fuqhom. Erba’ mija u ħames snin ilu, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Novembru 1615, l-Isqof Baldassar Cagliares fetaħ l-ewwel viżta pastorali tiegħu f’Għawdex fil-Knisja Matriċi ta’ Santa Marija ġewwa ċ-Ċittadella. Hu kien inħatar Isqof ta’ Malta u Għawdex fl-età ta’ 38 sena waqt konċistorju presedut mill-Papa Pawlu V fil-Palazz tal-Quirinale nhar it-18 ta’ Mejju 1615. Imħeġġeġ minn qaddisu għall-ħidma pastorali, l-Isqof Cagliares (ara ritratt 1 – bil-kortesija ta’ Daniel Cilia) beda viżta pastorali Għawdex fl-istess sena tal-ħatra tiegħu – ebda isqof qablu u warajh ma għamel viżta Għawdex daqshekk malajr wara l-ħatra. L-Isqof Cagliares beda l-viżta fl-inħawi tax-Xewkija nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru 1615. 2 1 Ir-rapport tal-viżta hu miktub bil-Latin u l-parti fuq ilkappella ta’ San Ġwann tinsab f’folju 43 verso – l-oriġinal hu riprodott ma’ din il-kitba (ara ritratt 2). L-oriġinal jinsab miżmum b’għożża fl-AEG•Arkivju Episkopali ta’ Għawdex fis-sezzjoni VP•Viżti Pastorali – VP (1615) 43v. 2 • Kappella wiesgħa u twila L-Isqof beda r-rapport bit-tagħrifa li in contrata ta Xeuchia, fil-ħâra tax-Xewkija, kien hemm kappella sub invocatione Sancti Joannis Baptistae, iddedikata lil San Ġwann Battista. Fuq l-altar kien hemm ycona cum imagine ejusdem Sancti, ikona bix-xbieha tal-qaddis. Il-kelma ycona tagħtik x’tifhem li jew kien inkwatru hekk imsejjaħ ta’ tempra fuq l-injam jew inkella affresk impitter fuq il-ħajt. L-altar tal-ġebel, altare lapideum, kien mgħammar kif imiss. L-altar kien cum una tobalia, bi dvalja fuq il-mensa jew il-wiċċ tiegħu, kif ukoll pallio telae depictae, jiġifieri, vintaltar tat-tila li kien impitter. Fuq l-altar kien hemm duobus candelabris ligneis depictis, żewġ gandlieri tal-injam impittra wkoll. Dawn il-gandlieri ma kienx ilhom li ġew akkwistati għax fir-rapport tal-viżta pastorali tas-1608 ma jissemmewx. Dik is-sena, il-prokuratur kien fil-fatt ordnat jixtri tnejn. Fuq ir-riħ tal-altar kien hemm duobus pulvinaribus, tużell doppju;