Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 49

47 175 sena fostna San Ġwann Battista 175 sena fix-Xewkija KItba ta’ Dun geoFFrey g. attarD It-titlu ta’ dan l-artiklu jista’, kif jgħidu bl-Ingliż, ikun tassew misleading minħabba li jista’ jagħti l-impressjoni żbaljata li r-rabta ta’ San Ġwann Battista, il-Prekursur tal-Mulej, mar-raħal tax-Xewkija tmur lura biss madwar 175 sena. Fil-verità, din ir-rabta tmur ħafna aktar lura minn hekk u lanqas nafu l-għeruq kemm huma qodma. Madankollu, kien 175 sena ilu li l-parroċċa tax-Xewkija laqgħet fi ħdanha l-istatwa titulari artistika ta’ San Ġwann Battista. Għalkemm dwar dan is-suġġett inkiteb diġà ħafna u fit-tul, anke min-nies esperti li messew b’idejhom id-dokumenti oriġinali, jixraq li fil-qosor nagħtu daqqa t’għajn lejn il-ġrajja ta’ dakinhar. Il-wasla tal-istatwa Ta’ min jgħid li x-xewqa għal statwa titulari fil-qalb tax- Xewkin kienet ilha li tnisslet sa minn żmien il-parrokat tal-Kappillan Dun Nikol Vella. Dun Nikol Vella kien twieled fl-Għarb, Għawdex nhar is-17 ta’ April 1765, iben Pawlu u Evanġelista mwielda Gauci. 1 Ix-Xewkija kienet ilha parroċċa 157 sena meta nibtet ix-xewqa għal statwa titulari biex tkun meqjuma mill-poplu tar-raħal. L-istatwa waslet fix-Xewkija nhar it-22 ta’ Ġunju 1845 u t-translazzjoni tal-istatwa saret mill-knisja tal-Madonna tal-Ħniena jew aħjar il-knisja ta’ San Bartilmew f’tarf ir-raħal għall-knisja parrokkjali. Fiha ħadu sehem il- Kappillan Dun Nikol Vella u l-kleru tal-parroċċa kif ukoll il-Kappillan ta’ Sannat Dun Alessandru Cauchi u bosta saċerdoti mill-irħula ta’ Għawdex. 2 Ġmiel li jsaħħarna Meta ħames snin ilu kont ktibt artiklu dwar din il-ġrajja biex jitfakkar il-170 sena mill-wasla ta’ din l-istatwa, jien kont ktibt hekk: ‘L-istatwa artistika ta’ San Ġwann Battista li Pietru Pawl Azzopardi ħadem fl-injam qrib is-sena 1845 hija ċertament waħda mill-aktar statwi artistiċi li nsibu fil-gżira ta’ Għawdex. Hija tirrappreżenta lil dak il-qaddis li dwaru Ġesù qal: ‘Fost ulied in-nisa ma hemm ħadd akbar minn Ġwanni’ (Lq 7: 28). Il-Knisja tippreżentalna lil Ġwanni l-Għammiedi bħala l-ewwel difensur qalbieni taż-żwieġ imqaddes bħala sagrament. Qabel l-istess istituzzjoni tiegħu fis-sura sagramentali li jgawdi llum, Ġwanni kien diġà qed jiddefendi ż-żwieġ 1 Serafin Borg OSA, Ix-Xewkija Fi Ġrajjiet il-Kappillani u l-Arċiprieti Tagħha (Progress Press; Malta, 1978), 19. 2 Ibidem. sagrament. Dan għamlu mingħajr ebda ‘rispett uman’ imma bi qlubija ta’ bniedem mimli biss b’Alla. Fl-istess linja ta’ qaddisin qalbniena li ddefendew it-tagħlim veru li mbagħad waslulna l-appostli, jispikka wkoll San Tumas More li għalkemm miet biex jiddefendi l-primat Petrin, indirettament huwa miet martri sabiex jiddefendi ż-żwieġ bħala sagrament. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ qaddisin li t-tnejn li huma ħaduha kontra sultan despotiku, huma għalina bħala dawl li jmexxina, speċjalment f’soċjetà li tiddisprezza ż-żwieġ sagrament biex minflok tqiegħed idoli ta’ din id-dinja. Fid-dawl ta’ dan kollu, minn fost il-qaddisin bibliċi, ħadd daqs San Ġwann Battista ma jista’ jitqies bħala qaddis li l-kelma tiegħu mhux biss għadha tiswa imma għandha bżonn nisimgħu aktar minn qatt qabel’. Il-ġmiel li jkellimna b’mod interjuri Imma naħseb li l-ġmiel tassew li jkellimna mill-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista, liema statwa fetħet it-triq għallistatwi l-oħra titulari fl-irħula tagħna f’Għawdex, huwa l-ġmiel interjuri. Il-ġmiel tal-verità! Għax Ġwanni ġie fiddinja biex ixandar din il-verità u jxerred demmu għaliha. Il-vuċi ta’ Ġwanni favur id-difiża taż-żwieġ-sagrament għadha tidwi u se tkompli tidwi biex tiskomodana kif jiskomodana l-vanġelu. Meta l-vanġelu jieqaf jiskomodana, dak ifisser li rridu naraw li ma jitlifx mill-imluħa tiegħu! Qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn il-koabitazzjoni donnha ħadet post iż-żwieġ! Tajjeb li nistaqsu: jekk aħna rridu verament nissejħu Insara u devoti ta’ Ġwanni l-Battista, qegħdin inwettqu r-rieda t’Alla f’dan il-qasam! Ma ninsewx li ħmistax-il seklu wara l-Battista, tfaċċa qaddis ieħor li miet biex jiddefendi ż-żwieġ, xejn inqas erojku fl-azzjoni tiegħu mill-Għammiedi! San Tumas More jerġa’ jfakkarna kif għandhom ikunu l-prijoritajiet tagħna. Kien hu li qal: ‘I am the King’s faithful servant, but God’s first!’ Ma kellux diffikultà biex jelenka l-prijoritajiet tiegħu! Il-mija u ħamsa u sebgħin sena tal-wasla tal-istatwa mill-isbaħ tal-Battista meqjuma fir-Rotunda tax- Xewkija, is-sede uffiċjali tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Għawdex, huwa anniversarju denju sabiex nagħmlu riflessjoni f’waqtha dwar fejn aħna sejrin fil-mixja tagħna bħala Insara; jekk biss nixħtu ħaristna fuq Ġwanni u niffissawha fuqu, għandna garanzija li ma noħorġux mit-triq it-tajba! Jalla Ġwanni jkun dak li jmexxina lejn is-sema pajjiżna.