45
oħrajn matti. L-isfida kienet biex tqabbel il-folja taddeheb
il-ġdida mad-deheb l-antik, peress li dan kien
xogħol ta’ konservazzjoni. Imma għall-grazzja ta’ Alla,
ix-xogħol ġie integrat tajjeb ħafna.
Konklużjoni
Ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq l-istatwa
titulari ta’ San Ġwann Battista u fuq il-pedestall tagħha
ħa medda ta’ tmien xhur. Għalkemm ħafna mix-xogħol
ma jidhirx, wieħed jista’ jinnota d-differenzi: l-istatwa
u l-pedestall issa ġew aktar nodfa, ix-xquq fl-injam
m’għadhomx jidhru u l-polikramija ta’ Briffa reġgħet
ħadet il-freskezza tagħha tal-bidu.
Minkejja s-sitwazzjoni straordinarja tal-COVID-19
li kellna f’dawn l-aħħar xhur, għall-grazzja t’Alla
rnexxielna xorta nlestu x-xogħol fil-ħin biex l-istatwa ta’
San Ġwann Battista terġa’ tkun lura fil-knisja Rotunda
għall-ġranet tal-festa 2020, li fiha qed jitfakkar il-175
sena tagħha.
Personalment ninsab vera onorat li, flimkien mat-tim
tiegħi, kellna l-opportunità li naħdmu fuq statwa
daqshekk prestiġjuża u devota ta’ Artist importanti
ħafna, Pietru Pawl Azzopardi. Is-sabiħ tagħha, apparti
mill-valur artistiku, hija s-sempliċità tagħha. Ftit għadek
tara statwi bħalha. Fl-istess waqt għandek is-solennità,
li flimkien mas-sempliċità tagħmel minn din l-istatwa
waħda unika u imprezzabbli. Kull darba li nħares lejn
l-istatwa ta’ San Ġwann tolqotni l-ħlewwa ta’ wiċċu illi
tnissel devozjoni u spiritwalità li tiġbdek lejha. Kien ta’
pjaċir għalina li naħdmu fuq din l-istatwa. Veru kienet
sfida, iżda kull sfida hija importanti għaliex tagħtina
esperjenza biex inkomplu għaddejjin fix-xogħol
tagħna. Fl-aħħar nett nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja
minn qalbi u f’isem it-tim tiegħi lill-Arċipriet Monsinjur
Daniel Xerri tal-fiduċja li għal darb’oħra wera fina
b’din l-opra daqshekk importanti u prestiġġjuża u lil
tant voluntiera li taw is-sehem tagħhom matul dan
ir-restawr.