Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 44

42 movimenti differenti u allura biż-żmien joħorġu dawn ix-xquq fl-injam. Dan il-moviment fl-injam kien jidher evidenti l-aktar fl-ispallejn u fis-sieq ix-xellugija ta’ San Ġwann fejn kellek il-parti ta’ fuq tal-injam sporġuta ’l barra kważi daqs millimetru. Permezz tar-raking light iddokumentajna dawn ix-xquq kollha fl-istatwa. Stajna naraw ukoll it-teknika tal-manifattura tagħha, il-mod ta’ kif ħadimha l-artist. Imbagħad rajna l-istatwa taħt il-UV light. Hawnhekk stajna nosservaw affarijiet li ma jidhrux b’għajnejna. Fosthom kien hemm traċċi ta’ moffa li trabbiet fuq il-kulur f’dawk il-partijiet, ħafna drabi fl-irkejjen, fejn toqgħod l-umdità u fejn l-inqas li jkun ventilat. Taħt il-UV light stajna naraw ukoll l-irtokki li kellha l-istatwa fl-aħħar restawr li kien sar fis-snin disgħinijiet. Kien jidher ċar li kull intervent li sar dejjem sar bl-intenzjoni li jgħatti u jsewwi l-ħsara ta’ fejn ikun infetaħ l-injam. Taħt id-dawl naturali stajna nosservaw ukoll l-ammont ta’ trab li akkumula maż-żmien. Dan jeħel mal-wiċċ talistatwa u jispiċċa parti mill-verniċ. Bħala parti mid-dokumentazzjoni u l-analiżi xjentifika tal-istatwa, saret ukoll radjografija. Permezz ta’ diversi Xrays tal-istatwa li ttieħdu fil-laboratorju tagħna, stajna nifhmu aktar kif inhi maħduma l-istatwa. Ikkonfermajna li l-istatwa hi maħduma minn diversi blokok tal-injam li l-artist għaqqad flimkien b’sengħa kbira. L-Xrays urewna li l-Artist Pietru Pawl Azzopardi qagħad attent li jgħaqqad il-partijiet tal-injam skont il-vina, waħda kontra l-oħra. Stajna nosservaw ukoll li ma ntuża l-ebda musmar biex isir dan, imma ntużat sistema ta’ dowels tal-injam biex hekk l-istatwa tkun magħmula totalment mill-injam. Kien ta’ sodisfazzjon għalina li minn dawn l-Xrays stajna ninnutaw li, minn ġewwa, l-injam m’għandux problemi ta’ susa jew insetti oħra. Ix-xquq li dehru fl-Xrays kienu l-istess xquq li rajna minn barra. Dawn l-Xrays kienu interessanti għalina biex nistudjaw aktar l-istatwa kif ukoll l-artist innifsu. Il-proċess tal-anoxia Minkejja li fl-Xrays ma dehrux sinjali ta’ insetti, xorta waħda ridna nieħdu l-prekawzjonijiet kollha. Għalhekk, kemm l-istatwa kif ukoll il-pedestall għaddew millproċess tal-anoxia. Matul dan il-proċess, dawn ġew magħluqa ġo borża apposta għal perjodu ta’ xahar. Permezz ta’ magna mqabbda ma’ din il-borża, l-ossiġnu li jinsab fl-arja ġie mibdul f’nitrogen, li huwa gass inert li ma jagħmel l-ebda ħsara. Ingħatat attenzjoni speċjali biex, matul dan il-proċess, ma jinbidlux l-umdità u t-temperatura għax dan seta’ jagħmel ħsara lill-istatwa u l-pedestall. Għalhekk, permezz ta’ sensor li tqiegħed ġol-borża, inżammu l-istess temperatura u umdità li kien hemm barra. Xi wħud mill-X-Rays tal-istatwa