Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 43

41 175 sena fostna Il-proċess ta’ restawr u konservazzjoni fuq l-Istatwa titulari ta’ San Ġwann Battista u fuq il-pedestall tagħha Is-sur PIerre bugeja mInn PrevartI Għall-bidu tas-sena 2019 il-kumpanija tagħna PrevArti kienet ġiet avviċinata mill-Arċipriet tal-Parroċċa tax- Xewkija Monsinjur Daniel Xerri biex naraw l-istat ta’ konservazzjoni tal-istatwa titulari ta’ San Ġwann Battista. Impressjonawni minnufih ix-xquq li kien hemm fl-injam li jindikaw il-mod kif ġiet maħduma. Barra minn hekk, kien hemm partijiet taż-żebgħa, speċjalment fuq il-kulur aħmar li kienu bdew jinqalgħu u deher biċ-ċar il-kulur ta’ taħt li allura kien ifisser li l-istatwa kienet ġiet miżbugħa mill-ġdid matul is-snin. Kien evidenti wkoll il-ħmieġ li weħel magħha matul is-snin. Fis-7 ta’ Ottubru sar it-trasport tal-istatwa ta’ San Ġwann mill-knisja Rotunda għal-laboratorju tagħna fil-Mosta. Għalhekk, b’attenzjoni kbira, l-istatwa tneħħiet minn fuq il-pedestall u ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex ma ssirx ħsara waqt il-vjaġġ. Ridna nipproteġu ż-żebgħa, l-iktar fil-partijiet fejn kien hemm ix-xquq fl-injam peress li hemmhekk iż-żebgħa kienet instabbli. L-istatwa ġiet ukoll protetta b’diversi saffi ta’ plastik u fabric apposta biex jitnaqqas l-effett tal-bdil fil-klima li kienet se tgħaddi minnu meta tinħareġ mill-ambjent tagħha li hemm fil-knisja. L-istatwa ġiet marbuta mal-bażi ta’ kaxxa tal-injam li nħadmet apposta. Dawramejt, sar ukoll cushioning bħala protezzjoni. Hekk, matul il-vjaġġ, jiġi evitat kemm jista’ jkun li tintmess l-istatwa. Meta waslet fil-laboratorju tagħna, ħallejnieha għal 48 siegħa sakemm tadatta għall-klima tal-laboratorju, imbagħad bdejna ftit ftit nikxfu l-plastik u l-fabric li bihom kienet mgħottija l-istatwa. Il-proċess ta’ dokumentazzjoni L-ewwel proċess kien li niddokumentaw l-istatwa. Matul dan il-proċess l-istatwa titqiegħed taħt dwal apposta biex joħorġu ċerti dettalji. Permezz ta’ raking light, dawl mill-ġenb, stajna naraw aħjar fejn kien hemm problemi strutturali, jiġifieri fejn l-injam kien qiegħed jiċċaqlaq. Dan huwa proċess normali fi statwi magħmula mill-injam. Statwa ta’ din id-dimensjoni tkun magħmula minn diversi blokok talinjam separati, magħqudin flimkien waħda mal-oħra, li minnhom l-artist ikun naqqax l-istatwa. Dawn jagħmlu