40
175 sena fostna
Meta nilmaħ quddiemi xbiehetek
Quddiem l-istatwa titulari ta’ San Ġwann Battista f’għeluq il-175 sena
Ivan FarrugIa | Ġunju 2020
Meta nilmaħ quddiemi xbiehetek,
statwa ħelwa li tpaxxi l-għajnejn
li b’tant ħila fl-injam ġiet minquxa
fl-elf tmien mija u ħamsa w erbgħin,
inħoss paċi tas-sema ġo qalbi
li mhux faċli titfisser bil-kliem;
għax għalkemm tant snin ilu maħduma
ma ntemmitx is-sbuħija maż-żmien.
Din ix-xbieha trid lilek turini
u tfakkarni l’int tagħna l-patrun.
Fil-ġmiel tagħha, il-ġmiel ta’ qdusitek
ifakkarni llum, u kuljum.
Dawk l-għajnejn li bħal donnhom jitbissmu
ifakkruni f’għajnejk, Prekursur,
illi raw lil Ġesù l-Iben t’Alla
u tad-dinja għarfuh Salvatur.
Il-kliem biss jonqsu l-fomm ta’ xbiehetek
ħa jfakkarni fi kliemek meqjus:
kliem li jgħallem, iwissi, iwiddeb,
kliem li juri bil-ferħ lill-Għarus.
Il-mantar aħmar skur fuq l-ispalla
jibqa’ nieżel sal-art ħdejr-riġlejn
ifakkarni fil-għotja ta’ ħajtek
għall-imħabba ta’ Kristu l-Feddej.
Waqt li nkompli nitpaxxa bl-istatwa,
nilmaħ l-id li merfugħa ’l quddiem
dlonk mis-sema nistħajlek qed tgħidli:
‘Jeħtieġ Hu jikber, jiena niċkien.’
Bir-raġun din ix-xbieha ssaħħarna,
bir-raġun hi timliena bis-sliem
għax minquxa fl-injam b’ħila kbira
naqraw ħajtek mill-bidu sat-tmiem.
U biex tibqa’ l-istatwa ssaħħarna
għaż-żmien kollu li ġej fil-futur
proċess twil ta’ restawr għaddiet minnu
kif jixraqlu dal-kapolavur.
Għalhekk waqt illi llum qed infakkru
mija w ħamsa u sebgħin ilu snin
illi ilna ngawdu xbiehetek
ġawhra w għożża għalina x-Xewkin:
għażiż Ġwanni nixtiequ nsellmulek,
aħna wliedek għeżież: ix-Xewkin
kompli żomm idejk fuqna w ħarisna
kif għamilt tul il-medda tas-snin.
Quddiem il-Vara ta’ San Ġwann
Wara x-xogħol ta’ rinovazzjoni u restawr
marIo borg | Ġunju 2020
Hekk kif tfajt ħarsti fuqek,
kif lura fostna ġejt,
nistqarr li rogħda kbira,
ma’ ġismi jien ħassejt.
Għax jekk idejn il-bniedem,
li hu t’Alla ħolqien,
sawruk daqshekk tal-għaġeb,
li bħalek m’hawn imkien,
Bix-xogħol ta’ restawr fuqek,
deher aktar ċar il-ġmiel;
u kif fis-sema tidher,
iss’ għandna aktar ħjiel.
min jaf b’liema sbuħija,
mar żejnek il-Ħallieq,
sabiex għall-Iben tiegħu,
tkun denn li tħejji t-triq!