Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 4

2 Messaġġ tal-arċipriet Mons. Daniel Xerri Il-Battista u d-deżert ta’ ħajjitna Għeżież, Is-sena 2020 hija waħda speċjali għalina, għax fiha qed infakkru l-175 sena mill-miġja fostna tal-istatwa ta’ San Ġwann Battista. Din kienet inħadmet fl-injam minn Pietru Pawl Azzopardi fl-1845 u waslet fil-parroċċa tagħna fit-22 ta’ Ġunju tal-istess sena. Imma s-sena 2020 ser tibqa’ mfakkra wkoll bħala waħda partikulari minħabba l-pandemija tal-Covid-19 li ħakmet lid-dinja, inkluż lil pajjiżna. Fil-fatt, kellna nbiddlu l-programmi kollha li kellna maħsubin għal din is-sena u biex ngħid hekk, nabbandunaw il-festi speċjali li konna qed nippreparaw fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju speċjali tal-istatwa. Imma dan kollu ma naqqas xejn mill-fidi tagħna fi Kristu u mill-imħabba tagħna lejn Ġwanni l-Battista. Anzi, iċ-ċirkustanzi tal- Covid-19 ġiegħluna nirriflettu u nistaqsu: X’inhu l-aktar importanti? X’inhu tabilħaqq essenzjali f’ħajjitna u fil-fidi tagħna? X’inhi l-vera festa? Għadhom stampati f ’moħħna dawk ix-xeni ta’ toroq u pjazez vojta, speċjalment fl-ewwel xhur talpandemija, meta kulħadd kien mitlub jibqa’ f’daru bħala prevenzjoni mit-tixrid tal-virus. Għafsa ta’ qalb kbira kienet tara l-knejjes tagħna magħluqin u ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ssir mis-saċerdot waħdu, bi knisja vojta. Impressjonanti wkoll kienet dik ix-xena tas-27 ta’ Marzu li għadda, meta rajna l-Papa Franġisku tiela’ t-taraġ ta’ Pjazza San Pietru, waħdu, biex imexxi talba ħerqana quddiem ix-xbieha ta’ Kristu Kurċifiss u x-xbieha tal-Madonna, taħt ix-xita nieżla, quddiem pjazza vojta. Jiena u nirrifletti fuqhom f’dawn il-jiem tal-festa, dawn ix-xeni jfakkruni ħafna fid-deżert li fih għex għal ħafna żmien Ġwanni l-Battista. Id-deżert huwa post kbir immens ta’ vojt u baħħ, bla ebda sinjal ta’ ħajja u bi skiet li jbeżża’. Għall-poplu t’Alla fl-Antik Testment id-deżert kien żmien ta’ prova kbira fil-mixja tagħhom lejn l-art imwiegħda. Fid-deżert il-poplu ltaqa’ ma’ ħafna perikli, bata l-ġuħ u l-għatx, iltaqa’ mas-sriep velenużi u ħafna drabi kien ittentat li jitlef il-fidi tiegħu f’Alla. Minħabba f’hekk mhux l-ewwel darba li l-poplu ħabat jaqta’ qalbu u beża’ li mhux se jasal. Imma Alla, fil-ħniena tiegħu, kien mal-poplu tiegħu fid-deżert, baqa’ jimxi miegħu, jurih it-triq, jipprovdilu dak li jkollu bżonn, jagħtih il-kmandamenti, jaħfirlu kull meta jeħodha kontrih, sakemm iwasslu fl-art imwiegħda. Fid-deżert il-poplu seta’ jara l-għeġubijiet ta’ Alla! Tant li dak li fih innifsu kien żmien ta’ prova kbira, inbidel fi żmien ta’ namur bejn Alla u l-poplu tiegħu. Fid-deżert il-poplu rnexxielu jagħraf kemm Alla jħobbu, kemm hu lest li jaħfirlu, kemm hu lest li jipprovdilu, kemm hu lest li jagħmel minn kollox għalih biex isalvah. Anke għal Ġwanni l-Battista, id-deżert kien ifisser dan kollu. Kien għalih żmien ta’ prova kbira imma wkoll żmien ta’ intimità ma’ Alla, żmien ta’ talb u riflessjoni, żmien li fih ħalla l-Kelma t’Alla tinżel fuqu (ara Lq 3,2), żmien li fih ġie mħejji għall-missjoni importanti tiegħu li jkun prekursur tal-Mulej. Ġwanni jgħallimna li fil-ħajja tagħna huwa importanti li ngħaddu minn żminijiet tad-deżert, żminijiet ta’ waqfa, li fihom nidħlu fina nfusna biex nerġgħu niskopru dak li hu l-aktar importanti u essenzjali fil-ħajja tagħna, speċjalment fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna u ma’ Alla. Ġwanni jrid jgħallimna li anke dan iż-żmien ta’ kriżi, ikkawżat mill-pandemija, jista’ jkun verament żmien ta’ grazzja għaliex minnu nistgħu noħorġu ppurifikati u aktar maturi. Ġwanni jrid jgħallimna li dan iż-żmien diffiċli jista’ tabilħaqq jinbidel fi żmien ta’ għerusija ma’ Alla, bħala poplu u bħala individwi għaliex fih nistgħu nerġgħu niskopru mill-ġdid l-imħabba t’Alla għalina u l-għatx tagħna għalih. Nitolbu għalhekk lil San Ġwann jurina t-triq ’il quddiem, speċjalment wara li tgħaddi din il-pandemija. Nitolbuh jgħinna noħorġu minn dan id-deżert ta’ bħalissa mibdulin fi bnedmin ġodda, ilkoll kemm aħna. Nitolbuh jgħinna nifhmu xi jrid Alla minna, bħala Knisja, bħala individwi u bħala parroċċa. Jekk dan iseħħ, il-Festa 2020 mhux biss tkun irnexxiet imma wkoll tkun tat il-frott tagħha u tkun waħda mill-isbaħ festi li qatt iċċelebrajna ad unur tal-patrun tagħna San Ġwann Battista! Mons. Daniel Xerri