Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 34

32 Battista. Id-disinn tagħhom sar mis-Sur Lawrenz Zammit Haber u x-xogħol mirqum b’mod fin fil-fidda sar mill-Artist is-Sur Lawrenz Pace Ferand minn tas- Sliema. Dakinhar kellhom valur ta’ madwar £300 sterlina. 15 Ħabrek ħafna għal din l-opra l-maħbub saċerdot Dun Karm Azzopardi. 1957 L-Arċipriet Ġużeppi Grech jikteb li fl-okkażjoni ta’ din il-festa l-artist Professur Ġużeppi Briffa żebagħ l-istatwa artistika tal-Battista. 16 Jew forsi ried jgħid irtukkjaha? Mir-reġistru tal-eżitu nafu li b’rabta ma’ dan ix-xogħol kienet tħallset is-somma ta’ £35. (per restaurazione della statua di San Giovanni Battista). 1961 Fil-21 ta’ Ġunju 1961 ġiet imżanżna dijadema taddeheb fuq ras l-istatwa ta’ San Ġwann, xogħol l-arġentier Naxxari Ġużeppi Pirotta (imlaqqam il- Parapajs). L-ispiża qamet £180 u ġabarhom is-Sur Pawlu Grech mix-Xewkija. 17 1982 Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann, iżżanżnet u tbierket il-kristallina ġdida għan-niċċa tiegħu. Ixxogħol u l-illustrar tal-kewba sar mis-Sur George Farrugia mir-Rabat Għawdex. Id-disinn li nsibu fil-bażi tal-kristalla sar mis-Sur Ġużeppi Sagona. L-ispejjeż kollha tħallsu mill-aħwa Katerina u Marija Theuma. 18 1995 Ħamsa u għoxrin sena ilu, cioè fis-sena 1995, ġie mmfakkar l-150 sena mill-wasla tal-istatwa artistika ta’ San Ġwann Battista. Kif mistenni kienu saru festi 15 Ibid., p.41. 16 Ibid., p.68. 17 Ibid., p.73. 18 Gorgion Għadd 25 (Jannar 1983) p.16. speċjali. Dawn saru bejn il-11 Il-25 ta’ Ġunju. Fost oħrajn kienet ittellgħet akkademja Mużiko-Letterarja bis-sehem tal-Banda Prekursur flimkien mal-Kor Vox Clamantis, Tenur u Baritnu. Fil-final tagħha sar il-ħruġ tal-istatwa ta’ San Ġwann Battista min-niċċa. Kien ittella’ wkoll spettaklu bl-isem L-Għanja tal-Battista kitba tas- Sur Laurence Camilleri u produzzjoni ta’ George Mizzi. Fil-festi Liturġiċi ħadu sehem l-Arċipriet u l-Kapitlu tal- Kolleġġjata Bażilika tan-Nadur, l-Arċipriet u l-Kapitlu tal- Kolleġġjata Bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat, L-Arċipriet u l-Kapitlu l-Kolleġġjata Bażilika tax-Xagħra, L-Arċidjaknu u l-Kapitlu tal-Katidral t’Għawdex flimkien ma’ Mons. Nikol Ġużeppi Cauchi, Isqof tad-Djoċesi. Fil-purċissjoni li saret nhar il-Ħadd 25 ta’ Ġunju ħadu sehem l-Arċiprieti u l-Kappillani tal-parroċċi ta’ Għawdex. Fis-sitta ta’ filgħaxija tal-Ħamis 22 ta’ Ġunju, il-jum eżatt li fakkar il-150 sena mill-wasla tagħha, l-istatwa ta’ San Ġwann inħarġet mir-Rotunda u twasslet b’carcade li għadda minn Triq Indipendenza u Triq l-Imġarr sa ħdejn il-kappella tal-Madonna Tal-Ħniena, propju l-post fejn 150 sena qabel kienet bdiet it-translazzjoni tal-istatwa għall-knisja parrokkjali tax-Xewkija. Il-poplu Xewki speċjalment ta’ dawk l-inħawi laqgħu l-istatwa b’ċapċip kbir. Minn hemm beda korteo devot ta’ talb għar-Rotunda. Ħadu sehem it-tliet Fratellanzi talparroċċa - dik tal-Madonna tar-Rużarju, tas-Santissimu Sagrament Imqaddes u ta’ San Ġwann Battista. Il-korteo kien akkumpanjat mill-Banda Prekursur b’marċijiet u innijiet reliġjużi. Ir-residenti ta’ Triq San Bert sellmu lil San Ġwann bi tfigħ ta’ fjuri tul it-triq kollha. Kif l-istatwa tal-Battista waslet fil-bieb tar-Rotunda ntlaqgħet bil-kant tal-Antifona u sar id-dħul solenni fit-tempju dedikat lilu. Wara saret konċelebrazzjoni tat-tieni jum tat-tridu mmexxi minn Mons. Ġużeppi Curmi flimkien mal-Arċipriet Mons. Carmelo Mercieca, saċerdoti u patrijiet Xewkin. Filgħaxija, saret dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġwann iż-żgħir li kienet inħadmet 50 sena qabel. Ta’ min isemmi li f’din is-sena wkoll, kien sar ir-restawr u induratura ġdida tal-padestall tal-istatwa. Ix-xogħol sar minn Publiju Magro u sewa Lm 3,500. 2015 Tfakkar il-170 sena mill-miġja tal-istatwa. Fost oħrajn kien ittella’ fil-pjazza l-feature 170 Sena ta’ Storja mill- Miġja tal-Istatwa ta’ San Ġwann. 2020 Kif ilkoll nafu matul l-aħħar xhur saru diversi proġetti u inizjattivi b’rabta mal-175 anniversarju fosthom ewlieni r-restawr u l-konservazzjoni tal-istess statwa u l-pedestall tagħha mid-ditta PrevArti. Sar ukoll xogħol ta’ rinovazzjoni u tisbiħ fuq in-niċċa tal-istatwa. Imma mhux biss! (Ara rapporti dettaljati ta’ dawn il-proġetti f’din il-ħarġa stess).