Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 25

23 Wettaqt l-appostolat tiegħi fil-qasam tal-predikazzjoni u tal-qrar f’diversi knejjes oħra ta’ Għawdex. Għal erba’ snin sħaħ u b’sagrifiċċju, kull nhar ta’ Ħadd, kont immur bil-mixi mill-Għarb, inqarar u nqaddes fil-knisja ta’ Santa Luċija, Kerċem, mingħajr ħlas. Għamilt tliet konkorsi għall-kappillan. Dan għamiltu biex nobdi lis-superjuri tiegħi, mhux biex nieħu l-ħarsien u t-tmexxija tal-erwieħ f’idejja.” 3 Ir-rabta ta’ Dun Nikol mar-raħal tagħna bdiet fit-12 ta’ Ġunju 1803 meta huwa ġie maħtur Vigarju-Kurat tal-Parroċċa tax-Xewkija u ftit wara Kappillan sabiex ikompli l-ħidma tal-predeċessur tiegħu Dun Franġisk Mizzi. Kienet rabta li kellha tkun waħda twila. Dam Kappillan sal-1850, dan ifisser parrokat ta’ 47 sena. Nafu li għammed l-ewwel tarbija fix-Xewkija fis-7 ta’ Ottubru 1803. Kienu bosta l-opri li wettaq fil-parroċċa tagħna. Fost dawn insemmu biss dawk prinċipali: o Fl-1830 bena l-koppla tal-knisja. o Fl-1837 bena l-kappella ta’ Santa Teodora, magħrufa aħjar bl-isem tad-Duluri, mill-flus tal-wegħdiet li saru fi żmien l-imxija tal-kolera ta’ dik is-sena li kienet ħalliet bosta vittmi anke fir-raħal tagħna. o Fit-22 ta’ Lulju 1838, il-kwadru tal-Madonna tal- Karmnu li llum jinsab fil-kappella Ta’ Ħamet, kien telaq proċessjonalment mill-parroċċa tagħna qabel ma tqiegħed f’postu fl-imsemmija kappella. o Fis-17 ta’ Novembru 1844 kienet saret it-translazzjoni b’mod solenni tal-korp sant ta’ Santa Teodora, millkappella ta’ San Bert għall-knisja parrokkjali. Dan kien inġab fl-1836 mill-katakombi ta’ San Kallistu f’Ruma permezz ta’ bastiment tal-qlugħ minn Franġisk Busuttil li ħallas ukoll l-ispejjeż. 4 o Fl-1849 huwa kien ikkummissjona l-qanpiena ż-żgħira. Fi żmien l-Arċipiret Dun Ġużepp Grech, din il-qanpiena kienet ġiet imġedda mill-fabbrika ta’ Pacard fi Franza. o Iżda bla dubju l-aktar li jibqa’ magħruf għalih hu l-fatt li fi żmienu nġabet l-istatwa titulari ta’ San Ġwann Battista. Kien propju fit-22 ta’ Ġunju 1845, meta issa kellu 80 sena meta ra l-ħolma tiegħu u tal-poplu Xewki titwettaq. 5 Feraħ mhux ftit meta dakinhar seta’ jilqa’ bi ħġaru l-istatwa ta’ San Ġwann Battista, skolpita fl-injam mill-Iskultur Mastru Pietru Pawlu Azzopardi. Isem il-Kappillan Dun Nikol baqa’ msemmi wkoll b’rabta mal-att erojku tiegħu meta fl-1813 Għawdex intlaqat mill-flaġell tal-pesta. Kien hu li wissa lillawtoritajiet ċivili biex jagħmlu għassa ħarxa maxxtajtiet speċjalment billejl bil-għan li ma jħallix l-pesta tagħmel straġi fil-gżira Għawdxija wkoll. 6 Għalkemm il-pesta kienet ikkontrollata nafu li xorta waħda kienu mietu mija u erba’ persuni f’Għawdex. Meta l-piż tal-età kien qed jagħfas fuqu, huwa sab l-għajnuna ta’ neputih Dun Pawl Grech li fis-27 ta’ Novembru 1844, inħatar Vigarju-Kurat tiegħu. Aktar tard Dun Pawl serva bħala l-kappillan warajh. L-aħħar magħmudija tiegħu hija datata fl-1 ta’ Mejju 1845. Il-Kappillan Dun Nikol ingħaqad mal-Mulej fl-20 ta’ Ġunju 1850 fl-għomor sabiħ ta’ 85 sena. Sarlu funeral mill-aqwa fejn Patri Fidiel Mariani, Kapuċċin niseġ l-eloġju funebri. Huwa ġie midfun fil-knisja parrokjali tax-Xewkija. riferenzi: 1 Arkivju tal-Parroċċa tal-Viżitazzjoni tal-Għarb, Liber Matrim. Vol I, pg 413 2 Arkivju tal-Parroċċa tal-Viżitazzjoni tal-Għarb, Liber Baptizatorum Vol 2, pg 46 3 Patri Sefafin Borg, Gourgion 1994, Xi wħud mill-Kappillani u Arċiprieti tax-Xewkija, jitkellemu fuqhom infushom, paġna 9 4 Ark ivju tal-Parroċċa San Ġwann Battista, Xewk ija: La S olenne Translazione del Corpo di Santa Teodora M. nella Chiesa Parrochiale di Casal Xeuchia. 5 Arkivju tal-Parroċċa tax-Xewkija: LaSolenne Translazione della Nuova Statua di San Giovanni Battista, il di’ 22 Giungo 1845. 6 Arkivju tal-Kurja t’Għawdex: Il-Kappillan Dun Nikol Vella fis-27 ta’ Mejju 1813 ilmenta f’ittra tiegħu li hu bagħat lill-awtoritajiet ekkleżjastiċi u ċivili fejn hu qalilhom li l-port t’Għawdex baqa’ ftit traskurat fi żmien il-pesta.