Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 24

22 175 sena fostna Dun Nikol Vella (17 t’april 1765 - 20 ta’ ġunJu 1850) kappillan beJn l-1803 u l-1850 Il-Kappillan li fi żmienu nġabet l-istatwa Nikol Vella jew aktar eżatt Nikol Ġużeppi kif insibuh imniżżel fir-reġistru tal-magħmudija, twieled fil- Parroċċa tal-Viżitazzjoni tal-Għarb f’Għawdex fis-17 ta’ April 1765 lil Pawlu u Franġiska mwielda Gauci. Pawlu u Franġiska kienu żżewġu fit-12 t’Awwissu 1754. Insibu dokumentat fir-reġistri tal-Parroċċa tal-Għarb li ommu Franġiska (bint Ġużepp Gauci) kienet diġà armla b’żewġ ulied (Angelica u Rosa) mill-ewwel żwieġ tagħha ma’ Mikiel Mizzi meta daħlet għal dan it-tieni żwieġ. 1 Dun Nikol kien is-seba’ wild fil-familja fost tmienja. Irridu ngħidu però li wħud minn ħutu mietu ftit wara li twieldu. F’ordni kronoloġika l-ulied kienu dawn: Clementia (14 ta’ Marzu 1755), Clementia (16 ta’ Jannar 1756), Cosimo (4 ta’ Lulju 1758), Clementia (12 ta’ Frar 1760), Giovanni Battista (22 ta’ Jannar 1762), Govanna (26 ta’ Jannar 1763), Nikola Ġużeppi (17 t’April 1765) u Anna (21 ta’ Mejju 1767) li kienu jsejħulha bit-tielet isem tagħha Ġużeppa. Kif kienet in-norma dak iż-żmien, huwa tgħammed fl-istess jum ta’ twelidu f’dik li llum hi l-Kolleġġjata, Matriċi u Bażilika tal-Għarb mill-Kappillan Dun Lawrenz Axiaq. 2 Wieħed mill-parrinijiet fil-magħmudija tiegħu kien zijuh Dun Nikol, ħu missieru, li inċidentalment kien ukoll saċerdot u saħansitra bl-istess isem tiegħu. Irċieva l-Griżma tal-Isqof fit-30 ta’ Settembru 1773 mill-Isqof Mons. Giovanni Pellerano. F’dan is-sagrament il-parrinu tiegħu kien il-Kappillan Lawrenz Axiaq. Isem il-Kappillan kif insibuh fir-reġistru tat-twelid Tfulitu u żgħożitu ma kinux mill-aktar feliċi. Ma tantx kellu x-xorti jgawdi lill-ġenituri tiegħu. Fil-5 ta’ Diċembru 1774, fl-età tenera ta’ 9 snin kien diġà tilef lil missieru Pawlu u lil ommu Franġiska tilifha meta kellu biss 25 sena, disat ijiem biss wara li ġie ordnat saċerdot. Fil-fatt huwa ġie ordnat saċerdot fit-13 ta’ Diċembru 1790 mill-Isqof Mons. Labini u ommu ngħaqdet mal- Ħallieq fit-22 ta’ Diċembru fl-età ta’ 69 sena. Meta Dun Nikol Vella, għamel il-konkors biex jinħatar kappillan tal-Parroċċa tax-Xewkija, kiteb hekk fuqu nnifsu: “Għallimt it-tagħlim Nisrani lit-tfal għal għaxar snin fil-knisja filjali ta’ San Ġakbu. Għal għaxar snin oħra għallimt l-iskola, parti fid-dar tiegħi u parti oħra fil-Kulleġġ ta’ Għawdex. Tajt is-servizz tiegħi għal sentejn flimkien ma’ saċerdoti oħra fil-knisja ta’ San Ġorġ. Għamilt l-eżerċizzji spiritwali fil-knisja ta’ San Ġakbu; ippritkajt kemm-il darba n-novena tal-Milied u għamilt ukoll il-ġimgħat ta’ qabel il-festa tad- Duluri, mingħajr ħlas, fl-istess knisja.