18
4 - Is-skiet intern għandu
jħejji għas-skiet intern
Il-bniedem jibża’ mis-skiet u jagħmel minn kollox
biex jaħarbu. Anki meta madwaru hemm is-silenzju
madankollu jara x’jagħmel biex jaħseb fi ħwejjeġ ta’ ftit
importanza u hekk jedha. Għalhekk inkunu niżbaljaw
jekk infittxu s-skiet estern iżda mbagħad internament
qalbna tkun mimlija distrazzjonijiet.
Dan it-tip ta’ silenzju jissejjaħ intern. In-Nisrani jkun
josservah meta jiftakar f’Alla, iqimu u jitolbu b’mod
ħerqan ħalli jagħraf ir-rieda tiegħu f’ħajtu. Fuq kollox
jekk verament inħobbu lil Alla, naħsbu fih ta’ spiss,
nitolbuh fil-ħtiġijiet tagħna u nqimuh.
Il-Battista jgħallimna li għandna nimxu warajh b’mod ta’
ħajja sempliċi fejn il-fus li ddur fuqu ħajjitna huwa Alla.
U bħal dan il-profeta fid-deżert nindunaw li l-ħwejjeġ
materjali qatt ma huma ser iwassluna għall-hena li Alla
jaf biss jagħti. Iżda jekk ninqdew bihom tajjeb iservuna
wkoll ta’ ġid basta ma nużawhomx ta’ status symbol li
jfisser li dak li għandna jagħtina fama.
5 - Jipprietka u jgħammed
Ġwanni l-Battista kien bniedem verament ta’ Alla u
għalhekk meta beda jipprietka u jgħammed ħafna
kienu dawk li marru għandu. L-esperjenza tad-deżert
ma għamlitux bniedem ta’ waħdu jew li mhux konxju
mis-sitwazzjoni ta’ dak li kien qiegħed jiġri madwaru.
Kliemu kien iebes iżda bħall-għasel selvaġġ li kien
jiekol kien iħalli togħma bnina f’kull min kien jisimgħu.
Ta’ min jinnota li anki Erodi kien iħobb jisimgħu. Ilkliem
iebes tiegħu kellu l-iskop li jqaċċat minn qlub
il-bnedmin dawk id-drawwiet li kienu jxekklu biex
jilqgħu lil Ġesù.
Għalhekk ma nkunux niżbaljaw jekk napplikaw ilkelmiet
ta’ San Ġużeppi Labre għall-Battista li kien
jgħid: “Wieħed għandu jkollu qalb tan-nar għal Alla,
qalb tal-bronż għalih innifsu u qalb tal-laħam għallproxxmu.”
Verament li l-Battista kellu qalb tal-bronż għalih innifsu
mill-istil ta’ ħajja li kien jgħix, bla dubju ta’ xejn kellu nar
jaqbad fih għal Alla u qalb tal-laħam għall-proxxmu
tant li fil-predikazzjoni tiegħu skont il-Vanġelu ta’
San Luqa huwa kellu messaġġ soċjali u karitattiv:
i) Min għandu żewġ ilbiesi jagħti waħda lil min ma
għandux; ii) Min għandu l-ikel jagħmel hekk ukoll; iii)
Lill-pubblikani qalilhom biex ma jeħdux ħlas aktar milli
għandhom jieħdu; iv) Lis-suldati kien jgħidilhom biex
jikkuntentaw bil-paga li għandhom, ma jaħqru jew
jigdbu fuq ħadd. (Ara Lq 10-14).
L-istorja tad-deżert ma tiqafx mal-Battista. Matul
l-Istorja tal-Knisja ħafna kienu dawk li fittxew d-deżert
biex għas-silenzju jkollhom aktar intimità ma’ Alla bħal
Sant’Anton Abbati, San Benedittu u fi żmienna bħall-
Beatu Charles de Foucauld, Carlo Carretto u Thomas
Merton: Dawn il-qaddisin u persunaġġi kbar għamlu
bħall-Battista ġid kbir lill-Knisja u lid-dinja.