Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 19

17 SAN ĠWANN BATTISTA JFAKKARNA FID-DEŻERT angelo Xuereb Il-Battista għandu rabta kbira mad-deżert. Huwa kien jgħix fid-deżert f’ħajja sempliċi iżda marbuta ma’ Alla. 1 - Ġwanni jgħix fid-deżert San Luqa jgħidilna: “It-tifel kien qiegħed jikber u jitqawwa fir-ruħ u kien jgħammar fid-deżert, sal-jum li fih deher lil Iżrael (1,80). Id-deżert jagħmel kuntrast mal-ibliet. Hemmhekk il-ħajja hija aktar mgħaġġla u tista’ tkun storbjuża filwaqt li ssib aktar kumditatijiet. Min-naħa l-oħra fid-deżert naraw is-skiet u ħajja sempliċi. M’hemmx kumditajiet iżda hemm is-silenzju. F’dan l-ambjent trabba San Ġwann il-Battista: ħajja fqira u ta’ silenzju iżda li kienet tiddisponih biex jitqawwa firruħ. Mhux ta’ xejn li Sant’Antnin ta’ Padova jqabblu ma’ ċerv. Dan huwa annimal li jiġri ħafna. U nistgħu ngħidu li l-istess għamel dan il-qaddis. Huwa kellu grazzja kbira li jinħeles mid-dnub tan-nisel qabel ma twieled u l-grazzji komplew jitkattru fih kif fl-istess waqt huwa kien jikber fiżikament u jimmatura psikoloġikament. Fid-deżert il-Battista jurina kemm hawn affarijiet fiddinja li ma għandniex bżonnhom. Huwa tefa’ taħt saqajh il-ħajja komda tal-ibliet u mar jgħix fis-sempliċità taddeżert fejn l-ikel tiegħu kien jikkonisti f’għasel selvaġġ u ġradijiet. Dan jikkuntrasta mal-għani li kellu l-fqir Lazzru wara biebu li kien jiekol ikel mill-aħjar u jilbes il-porpra li kienet tqum ħafna flus. Min-naħa l-oħra l-ilbies ta’ Ġwanni kien wieħed penitenzjali: kellu libsa tax-xagħar tal-ġemel u kellu ħżiem tal-ġild ma’ qaddejh. 2 - Bħal ċerv jaqbeż lejn l-ogħla F’din is-sitwazzjoni l-Prekursur bħal ċerv bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla qabeż lejn l-għejun tal-ispirtu u għalhekk kien bniedem spiritwalment għani. Dan jgħallimna li fis-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha l-bniedem jista’ jkollu kollox iżda qiegħed iġarrab ilmiżerja minħabba nuqqas ta’ sens fil-ħajja jew solitudni. Il-bniedem huwa maħluq għal Alla u dejjem irid. Dejjem jixtieq u donnu qatt mhu kuntent b’dak li għandu. Iżda l-affarijiet maħluqa, għalkemm huma importanti u jagħtu dinjità wkoll lill-bniedem, madankollu qatt ma jistgħu jieħdu post dawk spiritwali. Għalhekk jeħtieġ li nimxu fuq il-passi ta’ San Ġwann il-Battista. Ma nkunux realistiċi jekk nixtiequ li mmorru ngħixu fid-deżert. Iżda dan nistgħu noħolquh aħna stess għal ftit taż-żmien. Dan jista’ jsir billi kultant nieqfu mill-ġirja sfrenata tal-ħajja u nirriflettu ftit. Noqogħdu ftit ma’ tal-familja, nistrieħu u neżaminaw lejn liema direzzjoni miexja ħajjitna. Fuq kollox infittxu s-skiet li f’dinja mgħaġġla huwa rari. Iżda kultant nistgħu nrażżnu ftit l-użu tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali u midja soċjali biex insibu ftit ħin aktar għal ta’ madwarna u għat-talb.