14
Mulej, reġgħu lura lejn il-Galilea fil-belt tagħhom
ta’ Nażaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli
bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.” (Lq 2:39-
40). L-istess, wara li sabuh fit-tempju ta’ tnax-il sena,
Luqa jagħlaq hekk ir-rakkont: “U hekk, Ġesù baqa’
jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla
u quddiem il-bnedmin.” (Lq 2:52).
Fil-Qosor
· Bħala storiku tajjeb, Luqa jiftaħ ir-rakkont billi
jsemmi ż-żmien tal-ġrajja, kemm ta’ Ġwanni kif ukoll
ta’ Ġesù: - Dwar it-twelid ta’ Ġwanni huwa jsemmi
lis-Sultan Erodi, missier Erodi Antipas li qatel lillistess
Ġwanni. Dwar iż-żmien tat-twelid ta’ Ġesù,
Luqa jsemmi lill-Imperatur Ċesari Awgustu fi żmien
ir-renju tar-Rumani fil-figura tal-Prokuratur Ponzju
Pilatu, li jagħti lil Ġesù għall-mewt.
· Imbagħad Luqa jagħti tagħrif dwar ir-razza tal-familja
kemm ta’ Ġwanni kif ukoll ta’ Ġesù. Ta’ min jgħid li
l-identità tal-familja jew tribù fil-kuntest u fl-istil bibliku
tal-ġenealoġija, kien il-mod ewlieni biex tkun stabbilita
l-identità tal-persuna. L-enfasi ebrajka kienet aktar
fuq il-komunità milli fuq l-individwu. Għalhekk Luqa
jenfasizza d-dixxendenza li Ġwanni kien ġej mir-razza
ta’ qassisin permezz ta’ missieru u ta’ ommu. Dwar iddixxendenza
ta’ Ġesù, Luqa jsemmi li Ġesù kien ġej
mid-dar u l-familja ta’ David, riferenza għall-identità ta’
Ġesù bħala l-Messija li tant kienu jixtiequ l-Lhud.
· Luqa jqabbel id-dehra tal-Anġlu Gabrijel, ilmessaġġier
favorit ta’ Alla, lil Żakkarija l-ewwel u
mbagħad lil Marija.
· Luqa jkompli jxebbah il-profeziji tat-twelid ta’ iben liżżewġ
ommijiet, Eliżabetta u Marija, kif ukoll l-għoti talisem
lit-tfal tagħhom, Ġwanni u Ġesù rispettivament.
· L-ispirtu s-Santu jimla lil Ġwanni u jinżel ukoll fuq
Marija.
· Luqa jiddeskrivi fid-dettall il-missjoni kemm ta’
Ġwanni kif ukoll ta’ Ġesù.
· Iż-żewġ ommijiet, Eliżabetta u Marija, jroddu ħajr lil
Alla għal dak li Hu għoġbu jagħmel magħhom.
· L-innu ta’ Żakkarija (il-Benedictus) u dak ta’ Marija
(il-Magnificat) jixxiebhu sew.
· Ir-rakkonti tat-twelid proprju taż-żewġt itfal, Ġwanni
u Ġesù, iċ-ċerimonja taċ-ċirkonċiżjoni, l-għoti
tal-isem u l-profeziji fuq il-futur tagħhom, huma
magħmula b’mod mill-aktar identiku.
· Luqa jagħlaq ir-rakkonti li jixxiebhu tassew talinfanzja
u t-tfulija kemm ta’ Ġwanni kif ukoll ta’ Ġesù
permezz ta’ sentenzi li kważi huma l-istess.
Xi studjużi jargumentaw li r-rakkont tal-ewwel kapitlu
ta’ Luqa ġej minn fonti Lhudija u n-narrattiva għandha
b’mod ċar il-karatteristiċi tar-rakkonti fit-Testment il-
Qadim f’dak li hu lingwaġġ u ideat. Ir-rakkont tat-twelid
ta’ Ġwanni jidher ibbażat fuq il-mudelli tat-Testment il-
Qadim, speċjalment l-istejjer tat-twelid ta’ Iżakk (Ġenesi
17:15-21), ta’ Sansun (Imħallfin 13:2-24) u ta’ Samwel (1
Samwel 1:1-23). Hemm ħafna elementi li jixxiebhu firrakkonti
tat-twelid ta’ dawn fosthom: (1) l-infertilità talomm
hija megħluba bil-qawwa ta’ Alla; (2) Alla nnifsu
jew anġlu jidher biex iħabbar u jipprofetizza t-twelid
ta’ iben; (3) hemm profeziji mogħtija dwar il-kobor u
l-missjoni ta’ kull iben;(4) l-isem tat-tifel u t-tifsira tiegħu
huma ġeneralment mogħtija b’mod ċar.
Dawn l-erba’ elementi nsibuhom fir-rakkont tat-twelid
ta’ Ġwanni: L-infertilità ta’ Eliżabetta ġiet imneħħija,
l-Anġlu Gabrijel jidher lil Żakkarija u jħabbarlu fost
l-oħrajn li Ġwanni ser ikun kbir fl-għajnejn ta’ Alla u
jkun mimli fl-Ispirtu s-Santu. L-Għoti tal-isem Ġwanni
hu b’mod speċjali u uniku. Filwaqt li l-ismijiet ta’
Iżakk, Sansun u Samwel huma mogħtija lilhom minn
ommijiethom, però Alla stess hu, permezz tal-Anġlu
Gabrijel, li jagħti l-isem ‘kontroversjali’ ta’ Ġwanni
lit-tarbija – unur riservat għal ftit nies fit-Testment il-
Qadim fosthom Abraham flok Abram, Sarah flok Sarai,
Iżrael flok Ġakobb; u fit-Testment il-Ġdid lil Ġwanni, lil
Pietru u sintendi lil Ġesù. Dwar l-etimoloġija (tifsira) talisem
Ġwanni’ għalkemm mhux mogħtija testwalment,
però faċilment tista’ tinftiehem għax l-isem Ġwanni
– JOHANAN – bil-Lhudi jfisser “Alla għamel grazzja.”
(Prof. Saydon).