114
Ġieħ ix-Xewkija
Joseph Hili (Żeppu ta’ Dora)
Mogħti l-unur ta’ Ġieħ ix-Xewkija 2019
Joseph Hili (Żeppu ta’ Dora) twieled nhar il-25 ta’ Mejju
1944. Huwa attenda l-iskola primarja tax-Xewkija u
kompla l-Lyceum sakemm wasal fil-livell tal-GCEs.
Daħal jaħdem bħala skrivan ma’ Tas-Sippa u għamel 6
snin. Beda jistudja d-dawl fuq bażi part-time fl-1964 u
ħa l-liċenzja ta’ elektrixin 5 snin wara.
Fl-1969 beda jaħdem għal rasu. Matul is-snin, għallem
madwar 50 ħaddiem. Fost il-ħafna hemm Joe Grech
il-Bejżu, Leli Spiteri tal-Majru, Charlie Azzopardi, Joe
Buttigieg u Laurence Axiaq li mbagħad dawn ilkoll
armaw għal rashom. Kollha għadhom iġibulu rispett
kbir.
Dawk li ħadmu miegħu jiddeskrivuh bħala bniedem
kalm li qatt ma għajjat mal-ħaddiema tiegħu. Raġel
kwiet, reliġjuż u eżemplari. Fuq kollox tispikka l-umiltà
tiegħu!
Għal xi żmien kien ukoll membru tas-Soċjetà tal-
MUSEUM fil-qasam tax-Xewkija.
Jgħid li bis-saħħa tal-ħaddiema li kellu rnexxielu jieħu
kuntratti kbar fosthom il-fletts taċ-Ċawla, il-Pig Farm
f’Kemmuna, l-Isptar tal-Ibraġġ, il-lukanda ta’ Kemmuna
u l-fabbrika Lloyds.
Ġużepp litteralment għex l-istorja tar-Rotunda tinbena.
Jiftakar meta kien daqsxejn ta’ tfajjel żgħir fl-1951 u
nannuh b’dispjaċir qallu, “Il-knisja se tinbena għalikom
u mhux għalina” għax nannuh kien jaf li ma kienx ser
jara l-knisja lesta. Ġużepp għandu biex ikun kburi għax
ma qagħadx spettatur imma ħadem bla heda, senza
interessi biex għadda d-dawl fir-Rotunda tagħna.
Għadda d-dawl ukoll fiċ-Ċentru Parrokkjali u fil-binjiet
tal-MUSEUM tal-Bniet u tas-Subien. Persuna li tat ħafna
lix-Xewkija fis-skiet tagħha.
Fuq bażi volontarja anke ta’ sehmu barra r-raħal, hekk
kif għadda d-dawl fil-binjiet tal-MUSEUM ta’ Sannat u
tan-Nadur.
Illum irtirat, igawdi l-familja sabiħa li rabbew hu u
martu Lucia. Għandu erbat itfal, Mario, Connie, Vanessa
u Bernardette. L-għaxqa tiegħu ż-żewġ neputjiet
tiegħu.