113
Mons. Ġorġ Mercieca
Nifirħu lil Mons. Ġorġ Mercieca li fit-22 ta’ Mejju 2020 ġie maħtur Monsinjur Koadjutur
tal-Kapitlu tal-Katidral mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech, amministratur appostoliku għal
Għawdex. S’issa Dun Ġorġ kien Monsinjur Onorarju. Nawgurawlu u nitolbu għalih.
Kan. Dun Franklin Vella
Dun Franklin ġie ordnat saċerdot fl-2011 minn Mons. Isqof Mario Grech. Wara esperjenza
qasira f’Ruma Dun Franklin kompla l-esperjenza tiegħu fl-Arċidjoċesi ta’ Malta fejn serva
għal sentejn fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzji f’Belt Hompesh Ħaż-Żabbar. Dun Franklin
jistqarr li kien minn din l-esperjenza tiegħu f’Malta li fehem minn qabel bl-isfidi li l-parroċċi
f’Għawdex kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom aktar ‘il quddiem.
Fis-sena 2013 meta rritorna Għawdex huwa ntalab jgħin bħala Kappillan tal-Isptar
t’Għawdex (uffiċċju li Dun Franklin jgħid li kull meta jiġi vakanti ma tantx issib min jixtiequ
wisq!) Fl-istess sena ġie maħtur kollaboratur parrokkjali tal-Parroċċa ta’ San Girgor il-
Kbir f’Ta’ Kerċem, liema uffiċċji għadu jokkupahom sal-lum. Fil-frattemp qatt ma ċaħad
l-għajnuna tiegħu meta l-ħin ippermettielu biex jgħin ukoll fil-Parroċċa tax-Xewkija.
F’Novembru 2019, Mons. Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex
infurmah bix-xewqa tiegħu li b’rikonoxxenza għall-assidwità fil-ħajja pastorali tal-uffiċċji
lilu mogħtija jaħtru bħala Kanoniku effettiv u membru tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San
Pietru u San Pawl fin-Nadur. L-istess Mons. Isqof Mario Grech tah il-pussess tal-Kanonikat
fl-imsemmija Kolleġjata nhar it-23 ta’ Diċembru 2019.
Mons. Kappillan Edward Xuereb
Nifirħu lil Dun Edward Xuereb mix-Xewkija li din is-sena jagħlaq 25 sena minn meta ġie
ordnat saċerdot fl-24 ta’ Ġunju 1995. Waqt li mbagħad serva għal erba’ snin fil-Parroċċa
ta’ Santa Luċija f’Ruma, huwa kiseb id-dottorat fil-liġi kanonika u ċivili mill-Università
tal-Lateran fl-1999 u lura fid-Djoċesi ta’ Għawdex beda jaqdi fit-Tribunal Ekkleżjastiku u
aktar tard, fl-2007 nħatar mill-Isqof Mario Grech bħala Vigarju Ġudizzjali, liema uffiċċju
għadu jaqdih sal-lum. Fis-sena ta’ qabel, 2006, hu rċieva d-dottorat fis-sagra teoloġija
mill-Università ta’ Malta. Intant ilu mill-2004 jaqdi bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu
Ewkaristiku Salvatur fl-Għasri. Dik is-sena wkoll kien sar kanoniku onorarju tal-Kolleġġjata
tal-Għarb. Fl-2013 sar rettur tal-Bażilika tal-Madonna tal-Patroċinju fl-Għasri u fl-2015 ġie
maħtur kanoniku onorarju tal-Katidral ta’ Għawdex, bit-titlu ta’ monsinjur. Illum huwa
l-iktar kappillan ta’ parroċċa f’Għawdex li ilu f’dan l-uffiċċju fl-istess post u wieħed milluniċi
tnejn li kienu ġew maħtura mill-Isqof Nikol Cauchi. Oqsma fid-Djoċesi li għen fihom
huma l-Għaqda Djoċesana tal-Abbatini, Sezzjoni tal-Azzjoni Kattolika fuq livell djoċesan,
tagħlim tal-Latin u d-Drittu Kanoniku fis-Seminarju Maġġuri u l-Kunsill Presbiterali.
Nirringrazzjaw lil...
Franklin Micallef
Nirringrazzjaw lis-Seminarista Franklin Micallef, mill-Parroċċa ta’ Kercem, li għal dawn
l-aħħar sentejn wettaq ħidma pastorali fil-parroċċa tagħna bħala parti mill-formazzjoni
tiegħu għas-saċerdozju. Franklin għadu kemm temm it-tielet sena ta’ formazzjoni
tiegħu fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex u issa ser jibda s-sena intermedjarja tiegħu.
Kemm dam fostna huwa ħadem ħafna mal-grupp tal-abbatini kif ukoll mal-grupp
tal-kitarri tal-parroċċa. Huwa kien jagħmel ukoll l-ispjegazzjoni tal-Vanġelu għat-tfal
kull nhar ta’ Ħadd filgħodu u kien jgħin fid-diversi ċelebrazzjonijiet tal-Liturġija. Minn
qalbna nirringrazzjaw lil Franklin u nawgurawlu fil-mixja tiegħu lejn is-saċerdozju
filwaqt li nitolbu għalih.