Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 106

104 Kif semmejna qabel, fl-1916 meta issa kellu 50 sena, ħass li għandu jwaqqaf l-azjenda Magro Brothers bi tliet uliedu Wiġi, Ġużepp u Manweli bħala partners. Kienet din l-azjenda li mal-medda tas-snin kompliet tiżviluppa, tesplora forom ġodda ta’ negozju u tespandi f’dik li llum żgur li aħna familjari magħha. Inċidentalment ilkumpanija reġgħet poġġiet il-bażi tagħha f’raħalna wara li kienet imxiet lejn ir-Rabat. Ftit wara t-twaqqif tal-azjenda, issa bl-involviment ta’ wliedu Wiġi, Ġużepp u Manweli, huma krew imħażen fl- Imġarr fejn setgħu jaħżnu merkanzija li tkun iddestinata lejn Malta. Huwa dokumentat li fl-1916, l-iktar ħaġa li kienu jimpurtaw kienet l-ismida. Hekk li fl-1917 kienu ġabu 3156 xkora ta’ smida f’Għawdex. Komplew jiddeversifikaw in-negozju, bl-importazzjoni ta’ diversi tipi ta’ pulses. Komplew jixtru l-Vaccina forestieria (għoġġiela żgħar) sabiex ikabbruhom f’Għawdex, iżda din id-darba mhux permezz tal-aġenti imma direttament minn barra. Uliedu issa bdew isiefru huma stess sabiex jagħmlu kuntatti diretti. Mal-medda tas-snin bdew jimpurtaw fost oħrajn id-dqiq, ċereali u oġġetti oħra tal-ikel fosthom prodotti tal-Nestle u oħrajn tal-ħalib. Aktar tard daħlu għall-ipproċessar tat-tadam u ta’ min isemmi li l-ewwel impjant ġie installat fil-post numru 17 Triq Santa Katerina x-Xewkija, post li kienu xtraw xi snin qabel. Dan hu sewwasew il-post fejn illum insibu l-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Prekursur. Nafu li fl-1933 kien diġà beda jopera bi prova. Imma wara ftit tas-snin, dan l-impjant ġie trasferit għar-Rabat. Il-wasla ta’ boiler kbir għall-impjant tat-tadam. Jingħad li Ġanni u martu kienu karitatevoli ħafna malproxxmu. Fis-snin ta’ wara l-Ewwel Gwerra Dinjija l-ħobż kien għoli u skars ħafna għalhekk kien hawn ħafna faqar speċjalment fil-familji numerużi. Nafu li bieb li dejjem infetaħ kull darba li ħabbtu fuqu, kien dak ta’ Ġanni. Għall-ħabta ta’ filgħaxija numru ta’ tallaba kienu joħorġu jittalbu xi ħaġa x’jieklu għalihom u għall-familja. L-ewwel li kien jitqassam kienet xi kisra ta’ ħobż abjad, wara Ġanna kien ikollha ddur għall-ħobż ismar u anke tax-xgħir sakemm xżin jispiċċa dan kienet iddur għaxxkora tal-ħarrub: la darba dan qatt ma seta’ jiġi nieqes la darba kien jagħlfu minn lill-barrin. Fil-kesħa Ġanna kienet ukoll tagħtihom misħun biz-zokkor x’jixorbu. Ġanni għen ukoll meta f’Mejju 1929 twaqqaf il-Każin tal- Banda Prekursur billi ħallas għall-sett ta’ sitt korni li kienu nxtraw mingħand Carabott. Il-kappella ta’ San Bartilmew jiġifieri dik Tal-Ħniena – il-post fejn kien trabba – kienet ħafna għażiża għalih. Fl-1933, fuq it-talba tar-Rettur Dun Ġużepp Attard, għen ġenerożament biex inbnew is-sagristija u sala kbira għat-tagħlim tad-duttrina lit-tfal. Il-ħeġġa tiegħu l-Ħadd filgħodu kienet tieħdu jinvista ċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija u jibqa’ sejjer sal-Kappella ta’ Ħamet iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Hawn insibu li kien ħallas biex sar il-Kurċifiss kbir li llum narawh fuq in-naħa tal-lemin ta’ din il-Kappella. In-niċċa tal- Madonna tar-Rummiena li tinsab fil-parti tat-triq li tiġi bejn iċ-Ċimiterju u l-Kappella ta’ Ħamet dejjem kellha tazza taż-żejt tixgħel quddiemha. Iżda fi żmien l-għaks, il-kaxxa tal-offerta ta’ taħt din l-istatwa kienet tkun vojta, għalhekk insibu lil Ġanni jħallas għal dan iż-żejt biex Giuseppe Micallef (is-sagristan tal-Kappella ta’ Ħamet) ikun jista’ jkompli jixgħelha. Fl-antik nhar l-ewwel tas-sena, liema jum kien jissejjaħ l-Istrina, it-tfal tar-raħal kienu joħorġu b’borża taċċarruta f’idejhom biex jiġbru xi ħaġa żgħira tal-flus mingħand iz-zijiet u n-nanniet. Ġanni li kien joqgħod Nru 5 Strada Corsa kien jgħix preċiżament ħames bibien ‘l fuq mill-Iskola tal-Bniet u sitt bibien ‘l isfel minn dik tas-Subien, għalhekk nhar l-ewwel ġurnata tal-iskola wara l-vaganzi tal-Milied kien joħroġ fil-bieb tiegħu biex jagħti l-istrina lit-tfal tal-iskola. Ġanni li issa kien qed jikber, baqa’ joffri l-għajnuna tiegħu sakemm iċ-ċentru tan-negozju baqa’ jopera mix-Xewkija iżda mbagħad ma baqax involut direttament. Huwa għadda l-aħħar seba’ snin ta’ ħajtu ma’ bintu l-miżżewġa Ġannina f’dar ġdida fi Strada Corsa, liema dar li kien bena lil bintu Ġannina fl-okkażjoni taż-żwieġ tagħha ma’ Antonio Farrugia. Huwa miet fl-età ta’ 78 sena nhar l-10 t’Ottubru 1943 fi Strada Corsa li sa dakinhar kienet bdiet tissejjaħ Racecourse Street. Martu Ġovanna għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem erba’ snin u nofs wara fl-età ta’ 77 sena sewwasew nhar it-2 ta’April 1948. Ġanni, in-negozjant viżjunarju mix-Xewkija, kien bniedem ambizzjuż. Ma ħalliex it-tfixkil u d-diffikultajiet tal-insularità doppja tal-gżira Għawdxija jżommuh lura milli jinvesti, anzi kien kapaċi jdawwar l-isfidi f’opportunitajiet. U din iż-żerriegħa li żera kompliet tikber u tixxettel sal-lum. Riferenzi: joseph Bezzina, A Century Of enterprise On The Mediterranean island Of Gozo: Magro Brothers 1916-2016, 2016.