98
(PoeżIja mIKtuba FIl-31 ta’ mejju 1970)
META TQIEGĦED IS-SALIB
FUQ IL-QUĊĊATA TAR-ROTUNDA
anton haber
Toħroġ l-għanja ta’ ħajr minn qiegħ qalbna
lill-Mulej Sid tal-art u s-smewwiet,
F’dan il-jum li fih rajna xewqitna
tisfa mwettqa fost l-ikbar ħlewwiet.
Ħadd ma basar tmintax-il sen’ilu
li das-sema wisq għoli w sabiħ
għad xi darba jinkesa w jiżżejjen
b’din il-koppla ta’ kobor u ġieħ!
’Mma llum rajna b’għajnejna titwettaq l-
ikbar ħolma li xtaqu x-Xewkin;
is-salib fil-quċċata tal-koppla
jibqa’ mafkar sat-temma tas-snin.
Minn dak l-għoli t’hemm fuq jibqa’ jwennes,
das-salib, lid-djar tagħna x-Xewkin;
jibqa’ jsaltan u jgħasses għal dejjem
’l Għawdex tagħna w lil ħutna l-Maltin.
Dan ir-raħal li fih kienu għammru
l-ewwel nies illi nisslu l-Għawdxin,
b’għaġeb kbir sama’ ’l Pawlu minn Malta
u żamm fl-għoli dan l-eqdes twemmin.
Bosta kienu l-ġrajjiet illi ferrħu
lix-Xewkija mal-medda tas-snin,
fosthom meta b’ferħ laqgħet l-istatwa
ta’ San Ġwann il-Patrun tax-Xewkin!
Dan ir-raħal imħawwel f’nofs Għawdex
minn San Ġwann safa dejjem mgħejjun,
fost l-oħrajn fl-aħħar gwerra dinjija:
l-ebda wild taħt id-dar miet mirdum.
Imma qatt daqs illum ma ħassejna
l-id felħana ta’ Ġwanni l-Għammied.
Tnisslet fl-art l-għajta: “Nibnu Rotunda!”
Qal San Ġwann: “Hekk ikun!” mis-smewwiet.
Ħalli nbusek, lokal wisq imbierek,
illi fuqek dat-tempju jistrieħ;
Alla seddqek u għażlek mill-bqija
Biex mad-dinja jgħollik b’dan il-ġieħ!
Aħna żguri li Ġwanni f’dil-lejla
jinsab fostna ma’ dawk ix-Xewkin
li, minkejja ħallew din id-dinja,
huma magħna fil-ħsieb magħqudin.
F’daw’ l-mejtin għeżież tagħna niftakru
fil-Perit illi ħadem bis-sħiħ
biex isebbaħ b’kull mod ir-Rotunda: jalla
s-sema jroddilhom mistrieħ!
Magħna wkoll hawn nixtiequ lil ħutna
l-imsefrin, ta’ dal-jum jaqsmu l-ferħ;
lilhom ħajr u tislima minn qalbna
inroddulhom, mar-risq, hena w serħ!
U kif hawn miġburin għalenija, kleru
w poplu ta’ dan il-pajjiż; mill-ġdid
l-għanja ta’ ħajr u foħrija
qalbna tgħanni lil Ġwanni l-għażiż!
Hekk quddiemi daw’ l-persuni magħżula,
quddiem baħar ta’ poplu bħal dan;
ix-Xewkija b’dal-ġenna ta’ maqdes kisbet
isem ta’ ġieħ u setgħan!
O maħbub Prekursur, ibqa’ saltan
Ġo dat-tempju ta’ kobor u ġmiel,
Lilna wliedek Xewkin ilkoll wassal f’dik
is-Saltna li qatt ma tidbiel.
O salib wisq mixtieq, insellmulek:
fi tmiem Mejju, f’dax-xahar wisq sabiħ;
int il-faraġ u l-ferħ tax-Xewkija,
bik hemm fuq, sfajna poplu rebbieħ!
U Ġovanni berikha din l-opra
frott il-għaraq, tbatija w taħbit; baqa’
jgħinha mill-bidu sal-aħħar,
sa ma kollox intemm b’wiċċ il-ġid!