Gourgion Ġunju 2015 - Għadd 57 | Page 82

80 Is-sider mill-kustilji mgħasses sewwa, w’għalkemm il-qalb fl-injam l-artist le sawwar, nistħajjel li għal Kristu ġa bdiet tħabbat, għaliH sax-xfar bl-mħabba qegħda tfawwar. Ftit ieħor u ħidmietu tkun mitmuma, il-fomm, l-artist imur jisiltu l-aħħar, għax kien minn dan il-fomm li l-Kelma tleħnet, minn l-istess fomm sar-re Erodi ssaħħar. L-ispalla tax-xellug xhud ta’ rġulija, ma tmilx mar-riħ bħal qasab tal-widien, ma tibża qatt tistqarr dak illi temmen, fejn kelma u għemil jgħammru flimkien. U bil-ħaruf jistrieħ ħdejn riġlu sewwa, l-artist, mibluh, passejn jintefa’ lura; għax kif qatt jistgħu par idejn ta’ bniedem, inaqqxu f’zokk tas-sema kreatura? L-idejn li Ġwanni stqarr li “mhuwiex xieraq, li nħoll il-qorq ta’ dak li ġej warajja,” nistħajjel lill-artist kif lesta, xtaqhom jimtlew mill-ġdid bid-demm u jieħdu l-ħajja, Il-ħin tat-tluq fil-qrib u l-artist beka’, u tħallat qtar id-dmugħ mat-trab taż-żebgħa, intgħaġnu sew flimkien fuq il-paletta, bl-ilwien il-pniezel raw l-injam jinħeba. u jseħħ dak il-mument fix-xatt tax-xmara, kif b’leħen il-Missier is-sema triegħed, biex dawk l-idejn li mhux dehen tal-ilsiera, jogħlew it-tnejn flimkien fuq ras l-Imwiegħed. Qed nilmaħ lill-artist fuq għatbet daru, u qalbu qed titniegħed fl-akbar karba, nistħajlu, lil San Ġwann jixtiequ lura, biex jgħixu t-tnejn flimkien kif kienu darba. San Ġwann hawnhekk nistħajlu iħeġġiġna sabiex minn qalbna nneħħu il-kburija, għax l-umli huwa wisq mogħġub minn Alla, u l-ewwel għad ikun fl-hena smewwija. ‘Mma Ġwanni ġa jinsab fi triqtu sewwa, daqt jirfes fuq il-blat tal-gżir’ Għawdxija, iħalli x-Xatt u jaqbad il-mogħdija, li tagħha ż-żewġ naħat bin-nies mimlija. U hawn l-artist itemm xogħol kbir ta’ ħila, fuq il-werrej tal-id il-leminija, is-sebgħa li bih Ġwanni wera ‘l Kristu “hekk hu l-Ħaruf, tad-dinja jneħħi l-ħtija.” U kif mill-bogħod lir-raħal tagħna jilmaħ, jaqbeż bil-ferħ, fuq wiċċu tfiġġ tbissima, bħal meta ġewwa l-ġuf ta’ ommu tqanqal, kif sema’ ta’ Marija it-tislima. Jekk drabi tul ħajjitna t-triq nitilfu, riġlejna mmiddu fi sqaqien milwija, is-sebgħa il-werrej mill-ġdid jurina, mergħat, b’ħaxix ħadran, bl-ilma msaqqija. U ttella’ iz-zuntier sa ġewwa l-knisja, sabiex kemm jgħaddu snin hu jgħammar fiha, ‘mma mhux biss ġewwa l-knisja Ġwanni tqiegħed, sab post f’kull qalb tal-poplu tax-Xewkija. Hawn issa l-ħidma ddur fuq ras l-Għammiedi, li sfat minn bojja f’ħabs ħesrem maħsuda, għax emmen illi l-għaqda l’Alla fassal, il-bniedem m’għandu qatt jara mifruda. Għaddew is-snin minn din il-ġrajja kbira, u r-raħal tbiddel ħafna fl-istruttura, iddawlu t-toroq, twessgħu u d-djar sbieħu, tqalbu d-drawwiet u tbidlet il-kultura, Qed nilmaħ lill-artist mal-wiċċ jindiehes, inaqqax ix-xagħar twil sa fuq l-ispalla, l-imnieħer ħadmu dritt ħiereġ minn ġbinu, attent li ebda għelt ma jmur jitħalla. ‘mma ħaġa waħda qatt ma ġiet mittiefsa, tul mija w sebgħin sena ta’ ġrajjiet, hekk kif flimkien ħarsitna marru ltaqgħu, l-imħabba tagħna lejk qatt ma battiet. Ġa ħadu il-ħaddejn is-sura tagħhom, li juru sew ta’ ħajtu il-qlubija, in-nisġa tal-għajnejn ta’ ruħu mera’, li sa minn ġewwa l-ġuf mid-dnub mifdija. Int sirt wieħed ta’ ġewwa, wieħed minna, warajk saħħart bi ġmielek lix-Xewkin, ir-rabta ta’ bejnietna għażiż Ġwanni, ma tista’ qatt tinħall kemm jgħaddu snin. Mario Borg