Gourgion Ġunju 2015 - Għadd 57 | Page 81

79 Paġni Letterarji Saħħartna bi Ġmielek (170 Sena mill-Wasla tal-Istatwa ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija) Imnebbaħ mis-smewwiet l-artist li sawrek, mill-qalba tal-injam ta’ Tuta xiħa, imbierka kienu l-għodod li medd fuqek, biex ħareġ hekk xbiehetek tant sabiħa. Nistħajjel l-iskalpell jobrox il-qoxra, ineħħi dak li mhux fil-qies tas-sura, idur idur maz-zokk jgħarrex, ifittex, sa ma’ ftit ftit jitmelles mal-figura. Minn kmieni qiegħed Ġwanni ġa jurina, hekk kif l-artist iz-zokk qiegħed jiżmarra, dak li m’huwiex meħtieġ imur,jitneħħa, “jekk siġra ma trodd x frott titqaċċat barra.” U jonqsu id-daqqiet fis-saħħa tagħhom, kif tibda’ tfiġġ quddiemu sew ix-xbieha, ċkien sewwa l-iskalpell, twarrbu l-imrietel, għax issa l-ifjen ħidma daqt mibdija. Mad-dahar mantell, il-ħżiem, ix-xagħar tal-ġemel, maħduma kif imnebħa min-natura, turija ta’ snin twal ta’ penitenza tfulija fid-deżert minn nies mistura. L-imwarba, il-fqajrin, Ġwanni għex magħhom, u daqshom kien jaf sew tifsir iċ-ċaħda, ħeġġiġna l-ħobża tagħna naqsmu magħhom, “min għandu zewġ ilbiesi jagħti waħda.” Qed nilmaħ ir-riġlejn fl-injam jitlaħmu, u jterrqu mal-inħawi tal-Lhudija, u lilna jistednuna l-pass immiddu, f’triqat li minn kull ħotba imwittija. Il-qadd meħlus mill-għata qed jitnaqqax, li jixhed tul ta’ ħajja bogħod mill-għana, b’għasel selvaġġ u ġradijiet jitmantna, u aħna bl-abbundanza mhux xebgħana.