Gourgion Ġunju 2015 - Għadd 57 | Page 68

66 numru reali; għalhekk dik il-possibbiltà eskludejtha immedjatament. Hekk kif tidħol mill-garaxx issibha tilqgħek il-belt ta’ Betlem b’numru ta’ xenarji tipiċi tal-lejl tal-Milied, sitt anġli, kbar u żgħar, iduru ħelwin, tistħajjilhom qed ikellmu lill-pasturi u jgħidulhom l-aħbar tal-Milied. Madwar il-presepju hemm is-siġar u l-ħxejjex li bid-dehra naturali tagħhom ikomplu jsebbħuh u jdaħħluk fl-atmosfera. Fil-presepju hemm erbat idjar maħduma mill-presepista nnifsu, bil-ġablo u miksija bil-ġibs. Kull dar hi mgħammra bit-tiben u mdawwla bid-dwal ħomor u sofor. Dar minnhom hi tal-furnar li qed jaħmi l-ħobż. U xi ngħidu għaż-żewġ imtieħen iduru ħelu ħelu, waħda fuq il-lemin u l-oħra fuq ix-xellug tal-grotta ewlenija! Fil-presepju hemm tmien fanali li biex temmnuni xi ġmiel joħolqu bil-lejl tridu tarawhom mixgħulin f ’dik ilħemda kiesħa xitwija! Meta tħares lejh ma tistax ma tinnotax l-arti u l-kapaċità arkitettonika tiegħu. Il-mod kif inhu mqiegħed il-ġebel biex isawwar l-għerien, il-passaġġi, il-grotta, is-soqfa u fuq kollox il-ħitan tal-passaġġi, tistħajlek qiegħed fit-toroq ta’ Betlem, jew fit-toroq dojoq tipiċi li għandna f’pajjiżna bħalma huma dawk tar-Rabat Għawdex, il-Birgu u l-Imdina. Bla dubju l-għar prinċipali hu dak li laqa’ l-bambin ġo fih. Minn sempliċi għar tal-annimali sar it-tieni tabernaklu talBambin. L-ewwel tabernaklu kien il-ġuf ta’ Marija u l-għar sar it-tieni għamara tiegħu. Waqt li ħarsti kienet mitfugħa fuq dan l-għar partikulari ġietni riflessjoni li xtaqt naqsamha magħkom, għeżież qarrejja. Kif ġa aċċennajt aktar ’il fuq dan qed niktbu fl-ewwel ta’ Jannar, u f ’dan iljum infakkru l-Maternità ta’ dik it-tfajla Verġni li saret Omm Alla. Ħarsti marret fuq il-figura tagħha, tħares lejn it-tarbija (li hi replika tal-Bambini ta’ Betlem), b’idejha ’l fuq, bħallikieku qiegħda ġġiegħel lill-viżitatur jaħseb, iħares u jikkontempla l-għeġubijiet li għaddiet minnhom f ’dak il-lejl. Ir-riflessjoni li ġietni f ’moħħi proprju issa hi li lkoll kemm aħna twelidna minn mara – li hi ommna – iżda ħadd minna ma kellu l-opportunità li jagħżel il-mara biex tkun ommu. Dan il-privileġġ kien ta’ Alla waħdu biss, u ta’ Marija għaliex Alla għażilha biex tkun ommu. Fl-għar imdawwal b’lewn ħamrani, hemm il-familja mqaddsa, il-baqra u l-ħmara, ftit tiben, in-nagħaġ u fuq barra l-maġi qegħdin jadurawha u jqimuha. Fuq l-għar hemm il-kewkba smewwija, tleqq, b’kulur fiddien u b’anġlu liebes l-ikħal, b’idu x-xellugija jwassal l-aħbar. Apparti l-presepju hemm ukoll il-bambin imżejjen tant sabiħ, imdawwar biddamask bil-pasturi u bil-ġulbiena. Fuq nett insibu sopraporta tal-injam li żżanżnet fl-2013 u mdendel magħha hemm pavaljun tad-damask. Fl-isfond tad-damask, eżatt fuq ras il-bambin, hemm raġġiera skolpita fl-injam li żżanżnet ukoll fl-2013 u nħadmet apposta minn Amante Mercieca (irRabat); f’nofsha hemm anġlu kbir li f’idu għandu l-iskroll bil-kelmiet ‘Gloria in excelsis Deo.” Il-figura tal-bambin tiddomina din ilparti kollha. B’idejh miftuħa t-tnejn qed ibierek lil kulmin jarah u hu mdawwar mill-Madonna u San Ġużepp. Dawn iżżewġ figuri qaddisin flimkien mal-maġi żżanżnu fl-2013. Fit-tarf hemm żewġ anġli qegħdin jaduraw lit-tarbija Ġesù. Din l-istatwa nista’ ngħid li hija presepju ieħor iżda ta’ qies ferm akbar, għaliex bħalma l-presepju juri u jirrakkonta l-ġrajja ta’ Betlem f’ċerti dettalji, hekk ukoll dan il-presepju iżgħar fin-numru iżda akbar fid-daqs, qiegħed jirrakkonta l-istess ġrajja tat-twelid tal-Bambin. Konklużjoni B’din il-kitba tajt ħarsa ħafifa lejn ilpresepju statiku li nsibu fil-familja Attard. Nixtieq nislet spunt mill-intervista li saret. Ix-xewqa tal-presepista hi li dan it-talent tradizzjonali jibqa’ jsir u ma jmutx maż-żmien. Il-presepju huwa mezz biex kull familja tfakkar, tiċċelebra u anki titlob bl-aħjar mod possibbli quddiem il-misteru tal-Milied. Bħalma l-qofol tal-festi tagħna huma l-vari titulari hekk il-presepju u l-preżenza tal-Bambin fi żmien il-Milied. Nittama li b’dan l-artiklu dewwaqtkom ftit mill-ispirtu tal-Milied li jerġa jkun magħna sitt xhur oħra. © George Mercieca