65
Presepju tal-ġebel
f’dar fir-raħal tax-Xewkija
Minn George Mercieca B.A. (HONS) (Melit.)
Kemm ilu jsir dan il-presepju?
Il-presepju ilni nagħmlu għaxar (10) snin.
Mnejn ġiet l-idea li tibda tagħmel presepju tal-ġebel?
Għadni niftakar kien ġie l-arċipriet tar-raħal ġo dari biex
jara l-presepju li kont narma dak iż-żmien. Kien hu stess
li ħeġġiġni biex inkabbru; imbagħad ħsibt li ladarba ħa
nkabbar nibda nagħmlu tal-ġebel bil-mod.
Qabel kif kien jintrama?
Bil-kartapesta u kien maqsum f’biċċtejn.
Minn meta tibda taħseb għalih, u xi kemm jieħu żmien
biex tlestih?
Prattikament nibda nipproġettah mill-aħħar ta’
Settembru iżda bħala armar nibda mal-aħħar ta’
Ottubru jew il-bidu ta’ Novembru.
Kemm taħseb li għadha b’saħħitha l-preżenza talpresepju fil-familji tagħna?
Sinċerament inħossni kkonfondut meta nara li l-Milied
hu mdawwar wisq bil-kummerċjaliżmu. M’iniex ngħid li
mhux sew iżda lanqas m’għandu jieħu post il-presepju.
Illum tant aħna mdawwrin b’oġġetti li jolqtu l-għajn li
faċilment inżejnu djarna b’dawn l-oġġetti u neliminaw,
kultant bla ma nindunaw, il-presepju. Għalhekk ma
nixtieqx li jinqata’ mid-djar tagħna u nħeġġeġ li għandu
jitkompla u nibżgħu għal dak li għandna, speċjalment
għat-tradizzjonijiet li writna mingħand l-antenati
tagħna.
Introduzzjoni
Il-Milied iġib miegħu bosta tifkiriet, memorji tat-tfulija,
festini, ikliet u ċelebrazzjonijiet bħalma huma n-novena,
il-funzjoni qaddisa tal-lejl tal-Milied u l-ġranet ta’ wara
sal-festa tal-Epifanija. Fost it-tradizzjonijiet bikrin
marbuta mal-Milied insibu l-presepju, li fih innifsu,
jirrakkonta l-misteru tat-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Din il-kitba hi assoċjata ma’ presepju statiku fir-raħal
tax-Xewkija Għawdex. Jinsab fid-dar ta’ Paul Attard, li bla
dubju ta’ xejn, m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni fixXewkija. Lil dan il-bniedem kulħadd jafu bħala bniedem
bieżel, ħawtiel, dedikat u dilettant kbir tal-armar kollu
li jsir fil-knejjes tagħna. Imma xi ngħidu għar-Rotunda
tal-Battista tax-Xewkija! Ma timmaġinahiex mingħajr
il-preżenza u l-id ħawtiela tiegħu! Pawlu hu mpenjat
bis-serjetà fl-armar tar-Rotunda matul is-sena kollha,
mhux biss fil-ġimgħa tal-festa. Imma ħallina minn dan...
Ħa nerġgħu niġu għall-għan ta’ din il-kitba – il-presepju.
Mal-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru jew il-bidu ta’ Novembru
jibda jinħass sew l-ispirtu tal-Milied fil-familja tiegħu.
Għalhekk jibda l-ġarr tal-ġebel, il-ħruġ tal-istrippi,
l-armar tad-dwal, jekk ikun hemm bżonn ta’ dawra jew
lagħqa żebgħa ma tonqosx, il-ħruġ tal-pasturi, u tant
affarijiet oħra sabiex bil-mod il-mod tibda r-rutina talarmar tal-presepju. Il-kaxxa tat-taraġ timtela ġmielha
bl-oġġetti kollha li għall-ewwel tarahom geġwiġija,
xejn ma jintgħaraf, ġebel fuq xulxin, iżda f’moħħ ilpresepista jkun ċar daqs il-kristall.
Dan l-artiklu jibda b’intervista ta’ ħames mistoqsijiet li
għamilt lil Pawlu. Fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida 2015,
intfajt quddiem dan il-presepju statiku, nara b’għajnejja
stess dwal mill-isbaħ u nisma’ b’widnejja l-ħoss tal-ilma
għaddej. Immaġinajtni qiegħed qrib il-baħar jew f’xi
kosta jew bajja jew xi wied naturali bħalma hu dak
tal-Lunzjata f’Għawdex. Nammetti li kien hemm ftit talkesħa wara daqstant ġranet u sigħat twal ta’ maltemp
xitwi kif jaf ja għmel Diċembru! Imma hekk sabiħ ilMilied, l-istess temp xitwi jirnexxielu jdaħħlek fl-ispirtu
tal-Milied. Bla ma ridt ħarsti marret fuq in-numru ta’
għerien li qed jiffurmaw il-presepju. Bdejt ngħoddhom
u sibt madwar ħmistax-il wieħed, imma ċert li hemm
aktar li faċilment ħarbuli minn taħt għajnejja, peress li
fih ħafna għerien li diffiċli tgħoddhom kollha.
Ngħid il-verità għaddieli minn moħħi nistaqsih kemm
jinvolvi ġebel, imma qtajt qalbi li konna ħa naslu xi
mkien u għax kont deċiż li konna ferm ’il bogħod min-