Gourgion Ġunju 2015 - Għadd 57 | Page 66

64 Ħidmet l-Għaqdiet Xewkin Id-direzzjoni Radju Prekursur Ir-radju tal-komunità tax-Xewkija 18-il sena ta’ servizz Għal sena oħra qed nerġgħu nwasslu l-messaġġ tagħna permezz ta’ din ir-rivista li tiġi ppubblikata fl-okkażjoni tal-festa tal-Patrun tar-raħal tagħna, San Ġwann Battista. Nistgħu ngħidu li, kemm għalina f’Radju Prekursur, u kif ukoll għal ħafna oħrajn, il-festa tar-raħal ma hiex biss dawn il-ftit ġranet f’Ġunju, imma l-festa tfisser ġimgħat u anke xhur sħaħ ta’ preparazzjonijiet. Minbarra l-iskeda speċjali ta’ programmi fi żmien il-festa, fil-Milied, fi żmien r-Randan u l-Għid il-Kbir, u fil-festa tal-Martirju tal-Battista, Radju Prekursur ixandar ukoll bi skeda iktar limitata matul is-sena kollha. Ta’ min isemmi li x-xandiriet ta’ Radju Prekursur ma jaslux biss fi gżiritna, iżda jistgħu jiġu segwiti mill-erbat’irjieħ tad-dinja permezz tax-xandiriet fuq l-internet. Tajjeb li nsemmu li minkejja li forsi xandira tieħu biss ħin pjuttost qasir, però wara kull programm ikunu involuti diversi persuni li jkunu ħadmu flimkien biex jippreparaw u jtellgħu programm li jolqot l-interess tagħkom is-semmiegħa. Minbarra l-persuna li tkun qed tippreżenta l-programm, hemm min ikun qed jirranġa r-recordings u jagħmel l-editing meħtieġ. Anke l-programmazzjoni fejn tidħol l-iskeda tinvolvi ħafna ħin u xogħol. Sa mit-twaqqif tal-istazzjon tal-komunita tagħna fix-Xewkija f’Ġunju tal-1997, Radju Prekursur dejjem mexa’ bil-ħidma volontarja ta’ bosta u kull min ta sehmu dejjem għamel dan bil-qalb u mingħajr l-ebda ħlas. Minbarra li qed jagħmlu sagrifiċċju dawn in-nies li jagħtu ħinhom fl-istazzjon, qed jagħmlu wkoll sagrifiċċju l-familji tal-kontributuri tal-istazzjon, li jissaportjawhom f’dan il-volontarjat. Matul dawn it-tmintax-il sena kienu bosta persuni ta’ kull età li taw ħinhom u l-enerġija tagħhom għasservizz ta’ dawk kollhu li jsegwu Radju Prekursur. Kellna ħafna persuni, minn għal ftit żmien u oħrajn li taw snin twal ta’ servizz, u li għadhom jagħtu dan is-servizz b’mod volontarju biex ikunu ta’ kumpanija b’mod speċjali lill-morda, anzjani u anke emigranti li ma jkunux jistgħu jieħdu sehem f’dak li jkun qed jiġri fir-raħal tagħna. Minn hawnhekk nixtiequ wkoll inġeddu l-appell tagħna biex dawk ilpersuni li jixtiequ jagħtu ftit minn ħinhom b’servizz għal ħafna oħrajn, jikkuntatjawna biex hekk Radju Prekursur ikun jista’ jkompli jkun ta’ jsaħħaħ isservizz tiegħu. Il-ħidma f’Radju Prekursur ma hijiex biss marbuta fejn jidħlu il-preżentazzjoni tal-programmi. Biex jkunu jistgħu jittellgħu l-programmi u jitwasslu fi djarkom, hemm bżonn numru ta’ persuni li jiżguraw li l-apparat meħtieġ ikun jaħdem kif suppost, kif ukoll biex titranġa l-ħsara li tinqala’ minn żmien għal żmien. Nistgħu ngħidu li din ix-xitwa kienet kiefra iktar mis-soltu mhux biss fejn jidħol l-maltemp, iżda anke minħabba ħsarat li ġew ikkawżati mis-sajjetti. Din ix-xitwa, kellna xi apparat li ġarrab ħsarat bissajjetti, liema ħsarat wasslu biex anke kellhom jitwaqqfu x-xandiriet għal xi ħin. Ħsarat bħal dawn, kif ukoll manutenzjoni regolari jibqgħu għaddejjin is-sena kollha, speċjalment issa li biċċa mill-apparat li qed nużaw ilu jintuża għal numru ta’ snin. Qabel nispiċċaw ma nistgħux ma nsemmgħux l-għajnuna ta’ dawk il-benefatturi li jgħinuna permezz ta’ donazzjonijiet. L-ispejjeż mhumiex żgħar, għax minbarra l-ħsarat u manutenzjoni oħra, biżżejjed insemmu ta’ kull sena inħallsu €450 għal-liċenżja tax-xandir, minbarra liċenzja tat-transmitter u kontijiet oħrajn. Huwa grazzi għall-ġenerożità ta’ dawn in-nies li min jeddhom ikunu lesti li jagħtu xi donazzjoni żgħira, li Radju Prekursur jista’ jibqa’ għaddej. Filwaqt li nistednukom biex f’dawn il-jiem speċjali ta’ Ġunju, tingħaqdu magħna fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa, nħeġġukom biex issegwu wkoll l-iskeda ta’ programmi li qed titħejja għalikom fl-okkażjoni tal-festi speċjali tal-170 sena mill-wasla tal-istatwa artistika tal-Battista. Nistiednu lil dawk kollha li minħabba raġunijiet diversi ma jistgħux jieħdu fil-funzjonijiet tal-Knisja u fl-attivitajiet li jiġu organizzati fir-raħal tagħna, biex jingħaqdu magħna permezz ta’ Radju Prekursur, u hekk xorta jkunu jistgħu jduqu xi ftit mill-atmosfera li jkun hawn firraħal. Nawguraw lil kulħadd il-festa t-tajba.