2
Messaġġ tal-Arċipriet Mons. Carmelo Mercieca
Permezz ta’ ĠWANNI għal għand KRISTU
Il-Papa Franġisku, f’ diskors li għamel it-Tnejn 24 ta’ Ġunju 2013 dwar San Ġwann Battista, qal hekk:
Is-sens tal-ħajja ta’ San Ġwann kien dan:- Juri lil Ħaddieħor- Jitkellem fuq Ħaddieħor, jiġifieri fuq Kristu.
Ġwanni.... qatt ma tkellem fuqu nnifsu, qatt ma fittex lilu nnifsu, qatt ma tkabbar bih innifsu, qatt ma ġibed lejh innifsu, qatt ma ppretenda xejn għalih innifsu.
Jeħtieġ li jikber HU u niċkien jien.
Ġwanni qatt ma tefa’ l-attenzjoni fuqu nnifsu, imma fuq Kristu. Qatt ma tefa’ l-importanza fuqu nnifsu imma fuq Kristu.
Għax hu biss‘ raġel’ mhux il-Messija, bin Alla, għax hu biss leħen, mhux il-Kelma, għax hu biss il-musbieħ, mhux id-Dawl, għax hu biss il-bestman, mhux l-Għarus, għax hu biss il-ħabbar, mhux il-Mulej.
Ġwanni qal ċar u tond: M’ hiniex jien il-Messija. Ġej warajja wieħed li hu aqwa, ikbar u eqdes minni.
“ Ġej warajja wieħed li hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix inħollu l-qafla tal-qorq.”
L-aqwa qima li nistgħu nagħtu lil San Ġwann.
Bir-raġun li din is-sena, fl-okkażjoni tal-170 sena mill-miġja tal-istatwa, nifirħu bl-istatwa devota ta’ San Ġwann. Hu xieraq li nagħtuh qima. Iżda l-aqwa qima li nistgħu nagħtuh hi li nimitawh. Dak sebgħu l-werrej qed jurina u jrid iwassalna għand Kristu.“ Ekku l-Ħaruf t’ Alla.”
Il-messaġġ ta’ San Ġwann kien u għadu l-istess: Kristu hu l-Ħaruf t’ Alla Jien biss il-messaġġier, iżda l-persunaġġ ewlieni hu Kristu.
Il-wiri ta’ mħabba li nuru lill-qaddis, għandha tkun indirizzata lejn il- Qaddis tal-Qaddisin li hu Ġesù Kristu.
Il-festa t-tajba lil kulħadd.