28
Ried ikun profeta viżibilment fallut quddiem
il-bnedmin iżda rebbieħ quddiem Alla.
3. Il-messaġġ tat-tama dejjiema qatt ma jintemm
jew jidbiel. Il-profeta kien iwiddeb u jċanfar
bi mħabba kbira lejn il-poplu: “Jien inqiegħed
fis-sod ġebla f’Sijon, ġebla magħżula u prezzjuża,
ġebla tax-xewka, imsejsa sewwa, u min jemmen
fiha ma jitħarrikx” (28, 16), u Ġwanni l-Battista
dejjem kellu messaġġ ta’ tama għall-poplu
l-magħżul kif ukoll għall-pagani. Saħansitra
kemm-il darba kien iwissi lil Erodi biex jgħix
ħajja tajba u eżemplari u fl-istess waqt ma
jagħmilx għajb lill-istess tron tiegħu, billi jgħix
ħajja b’dekor ma’ mara oħra, mhux mal-mara
ta’ ħuh iżda dejjem baqa’ leħen jidwi fid-deżert.
X’jiswa għall-bniedem li jieħu pjaċir jisma’ lil xi
ħadd jitkellem sabiħ, bi kliem li jpaxxi l-widna
mbagħad jibqa’ fl-istess triq? Minn snin qabel ilprofeta Isaija ħabbar il-Messija mwiegħed għalLhud li permezz tiegħu kellha sseħħ il-fidwa
tal-bnedmin kollha. Ġwanni wkoll ikompli fuq
l-istess passi. L-istess missjoni tiegħu hi dik ta’
prekursur, ta’ dak li ġie qabel Alla magħmul
bniedem biex iħejji u jwitti t-triq għall-Mulej.
Kif jixhed Ġwanni fil-vanġelu: “Kien hemm raġel
mibgħut minn Alla jismu Ġwanni. Dan ġie bħala
xhud biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd
jemmen. Ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed
għad-dawl...” (Ġw 1, 6-8). Mela kemm Ġwanni
l-Battista u Isaija kienu strumenti f’idejn Alla
biex iħejju l-poplu Lhudi għall-miġja tal-Messija.
4. Il-ħażen beda jħalli l-effetti kiefra tiegħu millwaqgħa tal-ewwel ġenituri tagħna, Adam u
Eva. Jekk ix-xitan daħak bil-mara u qarraq biha
hekk baqa’ jagħmel ma’ kull min hu dgħajjef
fit-twemmin tiegħu f’Alla. Saħansitra qarraq
b’Mirjam, oħt Mosè u b’nofs il-poplu Lhudi li
mietu fid-deżert wara li ċaħdu lil Alla u qiemu
l-għoġol tad-deheb; qarraq b’David meta qatel
lil Urija l-Ħitti biex jisraq lil martu; qarraq
b’Ġuda għax ittradixxa lil Kristu. Allura ma setax
jonqos li ma jqarraqx bil-Lhud ta’ kull żmien bla
ma kienu konxji. Minkejja l-lealtà tagħhom lejn
il-ħarsien tal-kmandamenti u l-jum tas-Sibt,
huma spiċċaw ilsira ta’ kmandamenti u liġijiet
oħra li kienu magħmula mill-bnedmin. Eżempju
ta’ dan hu marbut mal-jum tas-Sibt fejn il-Lhud
ma kienu jagħmlu xejn, lanqas opra ta’ karità.
Biżżejjed insemmu l-episodju bibliku mill-ħajja
u l-missjoni ta’ Ġesù fuq l-art meta fejjaq raġel
b’idu niexfa f’jum is-Sibt. Id-domanda tal-Lhud
quddiem dan il-għaġeb ma kinitx tirrifletti l-fidi
tagħhom fih, iżda d-dubji tagħhom: “Jiswa li
wieħed ifejjaq nhar ta’ Sibt?” (Mt 12,10). U
Ġesù jagħti tweġiba espliċità: “Min minnkom
ikollu nagħġa u taqagħlu f ’ħofra s-Sibt ma
jmurx jaqbad u jtellagħha? Imma kemm jiswa
bniedem aktar minn nagħġa?” (Mt 12, 11-12).
Ġesù jgħallimna l-valur tal-ħajja umana, kemm
jiswa l-bniedem f’għajnejn Alla, għax hu maħluq
fuq xbihetu. Il-Lhud tant intrabtu ma’ dawn
il-liġijiet li spiċċaw tbiegħdu minn Alla u millkmandamenti tiegħu. Isaija u Ġwanni sabu
poplu agħma, ta’ ras iebsa u wiċċ b’ieħor;
kellu raġun Isaija jmur jgħid: “Dal-poplu resaq
ħdejja b’fommu, u b’xofftejh biex iqimni, imma
qalbu hi ’l bogħod minni, u l-biża’ li għandu
minni mhix ħlief preċett mgħallem lilu millbnedmin” (29, 13). Alla kien ikellem lill-profeta
u jurih il-weġgħa ta’ qalb kull darba li jħares lejn
il-Lhud, jarahom jersqu quddiemu fit-tempju,
jinżlu għarkupptejhom u jibdew igemgmu
u jċarrtu lbieshom u jħabbtu fuq sidirhom,
iżda dawn kienu biss azzjonijiet esterni, fiżiċi,
minn barra, jidhru sbieħ quddiem il-bniedem
iżda ma jfissru xejn quddiem Alla. Qalbhom
kienet imħassra b’tant dnubiet, ma kinux safja
quddiem Alla u ma kinux jersqu f’riġlejh niedma
u sogħbiena kif xtaq hu. L-istess twiddiba jagħti
Ġwanni lil-Lhud ta’ żmienu meta jgħidilhom:
“Ja nisel il-lifgħat, min uriekom x’għandkom
tagħmlu biex taħarbu l-korla li ġejja? Mela
uru frott li jixraq lill-indiema u toqogħdux
tgħidu lilkom infuskom ‘Għandna b’missier lil
Abraham’ għax ngħidilkom li Alla jista’ jqajjem
ulied lil Abraham” (Lq 3, 7-8).