Gourgion Ġunju 2015 - Għadd 57 | Page 29

27 għal Alla u Isaija jipprova jfixkel l-istess triq li l-poplu kien ser jintilef biha biex jurih it-Triq tassewwa, Alla ta’ Iżrael. Il-ktieb ta’ Isaija Dan il-ktieb hu mifrux fuq tliet taqsimiet: • L-ewwel taqsima (kap 1-39) inġabret qabel l-eżilju u tittratta ħafna l-ħtieġa ta’ konverżjoni sinċiera. Din it-taqsima ħarġet mill-pinna talprofeta nnifsu. • It-tieni taqsima (kap 40-55) inkitbet fi tmiem l-eżilju minn awtur li kien x’aktarx dixxiplu ta’ Isaija bil-għan li jħeġġeġ lill-eżiljati (il-Lhud) biex jagħmlu l-qalb u jafdaw f’Alla. Fil-fatt ittaqsima tittratta fuq Alla u l-ħażen tal-poplu. • It-tielet taqsima (kap 56-66) inkitbet wara l-eżilju minn awtur ieħor bi kliem ta’ tħeġġiġ u inkorraġġiment lill-poplu biex ikompli jtejjeb il-ħajja reliġjuża, ċivili u politika tiegħu. Xebh fil-predikazzjoni ta’ Isaija u Ġwanni l-Battista Minħabba raġunijiet ta’ spazju ser nillimita ruħi għal ċerti aspetti fundamentali li joħorġu filpredikazzjoni ta’ Isaija u Ġwanni l-Battista u naraw flimkien xi xebh hemm bejniethom. 1. Kemm il-profeta kif ukoll Ġwanni għexu f’perjodu meta l-Lhud kienu maħkuma millbarrani. Fil-każ ta’ Isaija Ġerusalemm kien taħt l-Assiri u fil-każ tal-qaddis tagħna taħt ir-Rumani. Mela s-sitwazzjoni soċjopolitika ta’ Ġerusalemm kienet kważi l-istess jew simili ħafna. Dan ifisser li l-atteġġjament tal-Lhud baqa’ ma nbiddilx, ċioè bix-xewqa li jmexxu lil art twelidhom u jiksbu indipendenza politika. L-ironija tal-poplu Lhudi baqgħet ma tistax tinftiehem minħabba l-istat kburi u superjuri tagħhom. Il-Lhud kienu jafu li ġew magħżula minn Jaħweh innifsu biex ikunu l-magħżulin tiegħu. L-ebda ġens u poplu ieħor ma kien imsejjaħ direttament minn Alla, allura din il-ħaġa kienet tiddistingwihom minn popli oħra. Il-Lhud dejjem saħqu li s-salvazzjoni kienet tagħhom biss. Iżda li kieku kellhom raġun xorta ma kinux denji għaliha. 2. Kemm Isaija kif ukoll Ġwanni kellhom missjoni speċjali, qawwija iżda kollha kemm hi responsabbli għaliex ġew magħżula u maħtura minn Alla għal għan salvifiku. Iżda sabu poplu ta’ ras iebsa, supperv, kburi bih innifsu, mgħobbi b’kull xorta ta’ ħażen. Għalhekk Isaija jgħid “Agħtu widen u isimgħu leħni; oqogħdu attenti u isimgħu kliemi” (28, 23). Din it-theddida (imma fl-istess ħin stedina) ġiet indirizzata lin-nies ta’ Ġerusalemm li baqgħu ma jridux jisimgħu l-leħen ta’ Alla b’fomm il-profeta. Għal xiex jeħtieġu joqogħdu attenti? X’leħen ħa jisimgħu? X’inhu dan il-leħen li qed isejjaħ u jwiddeb u ta’ min hu? “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ‘Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert, wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri. Jintradam kull wied, u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet; kull art imħabbta titwitta, kull art imħarbta ssir maqgħad. U tfiġġ il-glorja tal-Mulej u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa, għax fomm il-Mulej tkellem” (40, 3-5). Dan hu l-messaġġ ta’ dan il-leħen; hi l-vuċi ta’ Alla fi kliem Isaija, messaġġ ta’ tama, ta’ grazzja, ta’ fidwa u salvazzjoni eterna. Meta Ġwanni ġie mistoqsi dwar l-identità tiegħu xebbah lilu nnifsu, b’umiltà, ma’ Isaija. Hu qatt ma ppretenda li hu l-Messija, lanqas ippretenda li jkun Isaija fil-glorja kollha tiegħu, iżda filmumenti dgħajfa ta’ ħajtu. Ried ikun profeta ieħor attakkat, dgħajjef u finalment maqtul.