Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 80

78 ĦiDMet l-gĦaqDiet Xewkin Radju Prekursur Min qatt kien jaħseb… stefan bugeJa Żgur li 23 sena ilu, meta beda jberren il-ħsieb biex ilparroċċa tagħna jkollha l-istazzjon tar-radju tagħha, qatt ma għadda minn moħħna li konna ser ngħaddu miċ-ċirkustanzi li għaddejna minnhom f’dawn l-aħħar xhur. Għalkemm l-iskop ewlieni kien li nwasslu dak li jsir fil-parroċċa fid-djar tax-Xewkin, però dan kien immirat b’mod speċjali għall-morda u l-anzjani kif ukoll għal dawk li jduru bihom li ma setgħux joħorġu minn djarhom. Magħhom kien hemm l-emigranti li minkejja d-distanzi twal li jifirduna, xtaqna li b’xi mod ikunu jistgħu jgħixu dak li jkun għaddej f’raħal twelidhom. Iċ-ċirkustanzi kkawżati mill-pandemija li daret l-erbat irjieħ tad-dinja wasslu biex il-knejjes tagħna kellhom jingħalqu. Tista’ tgħid li Radju Prekursur sar l-unika mezz biex dak li jsir fir-Rotunda jasal fi djarna. Żgur li ħadd minnha qatt ma ħaseb li kellna ngħaddu minn dawn iċ-ċirkustanzi. Żmien li matulu minkejja li rajna l-knisja vojta, iżda l-quddies u l-attivitajiet kollha li normalment kienu jsiru, bħall-eżerċizzi spiritwali tar-Randan, ilfunzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, xorta setgħu jiġu segwiti minn ġewwa djarna permezz ta’ Radju Prekursur kemm fuq ir-radju u kif ukoll permezz tas-servizz talistreaming mill-knisja. Matul dawn il-ġimgħat ħafna apprezzaw aktar isservizz siewi li Radju Prekursur ilu joffri sa mit-twaqqif tiegħu fl-1997. Ix-xandiriet ta’ Radju Prekursur ma kinux biss f’dawn il-ġranet tal-pandemija. Minkejja l-isfidi u l-problemi li jinqalgħu maż-żmien, bil-għajnuna volontarja ta’ ħafna stajna nibqgħu nkunu ta’ servizz għalikom. Din is-sena, nistgħu ngħidu xandarna kull funzjoni u attività li saret fil-knisja matul is-sena, kif ukoll wassalna xandiriet minn postijiet oħra, fosthom mis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu. Kellna sena fejn iffaċjajna wkoll diversi problemi tekniċi. Kien proprju lejn l-aħħar tas-sajf li soffrejna ħsarat konsiderevoli kawża ta’ sajjetta li għamlet ħsara kemm fl-apparat li jintuża biex inwasslu xandiriet mill-knisja kif ukoll f’apparat ieħor li jintuża għal-live streaming. Kien biss bil-ħidma volontarja tat-tekniċi tagħna, li rnexxielna nirranġaw il-ħsara b’mod proviżorju biex x-xandiriet setgħu jitkomplew wara żmien qasir ta’ waqfien. Qed nittamaw li fil-ġranet li ġejjin inkunu qed intemmu proġett li ilna naħdmu fuqu xhur. B’hekk ilcables li jgħaqqdu l-knisja mal-istudjows tagħna jiġu mgħoddijin b’mod aktar sigur, biex mhux biss nevitaw aktar ħsarat ikkawżati mill-maltemp, iżda wkoll intejbu l-kwalità tax-xandiriet tagħna. Qed nittamaw ukoll li matul dawn il-ġranet tal-festa, inkunu qed insaħħu s-servizz tal-istreaming mir-Rotunda b’żewġ kameras oħra. Hekk inkunu nistgħu nwasslu fi djarkom viżjoni aħjar ta’ dak li jkun qed jiġri. Din is-sena hija sena speċjali għalina għax qed infakkru l-175 mill-miġja tal-istatwa tal-Battista. Iżda ser inkunu qed niċċelebraw il-festa tagħna b’mod differenti missoltu skont id-direttivi maħruġin mill-awtoritajiet tassaħħa. Però, Radju Prekursur, kif għamel ukoll fi żmien il-Għid, xorta ser ikun qed iwasslilkom skeda speċjali ta’ programmi marbuta ma’ dan iż-żmien speċjali li hu tant għal qalbna. Minkejja ċ-ċirkustanzi partikulari li qed ngħixu fihom, xorta ser inwasslulkom ix-xandiriet tal-funzjonijiet mill-knisja Rotunda kemm permezz talfrekwenza 99.3FM Stereo, kif ukoll permezz tal-YouTube Channel ta’ Radju Prekursur. Nixtiequ fl-aħħar nett nirringrazzjaw lil dawk kollha li qed jagħtu ħinhom b’mod volontarju biex dawn ixxandiriet jistgħu jaslu fi djarkom. Mingħajr is-sagrifiċċju ta’ dawn in-nies u tal-familji tagħhom żgur li ma kienx ikun possibbli li nibqgħu għaddejjin matul dawn is-snin kollha. Nixtiequ nirringrazzjaw ukoll lil dawk il-benefatturi tad-donazzjonijiet tagħhom li jsostnu l-ispejjeż tal-manutenzjoni u xiri ta’ apparat li jkun hemm bżonn minn żmien għal ieħor. Għalkemm ser ngħixu festa differenti, minn qalbna nawguraw lil kulħadd il-festa t-tajba – festa li tgħaqqadna aktar mal-għażiż patrun tagħna Ġwanni l-Battista.