Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 79

77 ĦiDMet l-gĦaqDiet Xewkin Għaqda Milied xewkija cHristopHer gatt Għaddiet sena oħra u l-festa tal-patrun tagħna San Ġwann Battista reġgħet waslet. Din is-sena mhux ħa jkun possibbli li l-festa tkun bħas-snin ta’ qabel minħabba ċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom. Din is-sena l-Għaqda reġgħet tellgħet numru sabiħ ta’ attivitajiet marbuta mal-Milied. B’hekk inkunu nistgħu nilħqu l-għan tal-Għaqda li tkabbar u ssaħħaħ l-ispirtu Nisrani tal-Milied fil-parroċċa tagħna. Għat-tielet sena konsekuttiva erġajna tellajna kors filbini tal-presepju matul is-sajf. Din l-ewwel attività bi preparazzjoni għall-Milied saret f’Settembru. Dan il-kors ikun miftuħ għal kulħadd, tfal u anke adulti. Propju għalhekk kellna numru sabiħ ta’ parteċipanti b’etajiet differenti u anke parteċipanti minn barra r-raħal. F’dan ilkors setgħu jibnu presepju mill-bidu sal-aħħar u mbagħad ikunu jistgħu jarmawh fid-djar tagħhom jew inkella jintrama fil-wirja li l-għaqda torganizza fi żmien il-Milied. F’dan il-kors il-parteċipanti jitgħallmu diversi tekniki ta’ kif tibni presepju b’materjal differenti fosthom jablo u insulation għall-blat u djar, ċana għall-ħaxix u diversi tipi u modi ta’ kif tiżbogħ presepju. Fl-aħħar tal-kors l-Arċipriet qassam ċertifikat ta’ attendenza lill-parteċipanti filwaqt li seta’ japprezza l-presepji li nbdew waqt il-kors b’tant reqqa u dedikazzjoni. Bdew ukoll il-preparazzjonijiet għall-attivitajiet tal-Milied fost l-oħrajn biex jintrama l-presepju tal-knisja u l-wirja annwali li ssir fiċ-Ċentru Parrokkjali. Din is-sena żewġ adolexxenti Xewkin Euchar Bajada u Jean Pace bdew presepju taħt iz-zuntier tal-knisja Rotunda. Din is-sena fix-Xewkija ġie organizzat Christmas market bl-isem ta’ Christmas in the Square. Dan kien mifrux fuq jumejn. L-Għaqda ġiet mistiedna biex tagħti l-kontribut tagħha. Allura ħadna ħsieb li jkollna armat l-presepju talknisja u l-wirja miftuħa. Waqt dawn l-attivitajiet l-Għaqda kienet ukoll qed ittella’ dimostrazzjoni ta’ kif tibni presepju fejn dawk li attendew setgħu jaraw id-diversi proċessi fil-bini tal-presepju. Fil-15 ta’ Diċembru, fl-ewwel jum tan-novena wara l-quddiesa tan-novena, l-Arċipriet Mons. Daniel Xerri flimkien mal-kumplament tal-komunità tax- Xewkija preżenti għan-novena bierek l-presepju. Din is-sena l-Għaqda ħasset il-ħtieġa li tarma struttura biex l-oġġetti tal-wirja jiġu esebiti b’mod li jkunu jistgħu jitgawdew bl-aħjar mod possibbli biex jidher ix-xogħol li sar b’tant dedikazzjoni u reqqa. Għalhekk ġiet armata struttura maqsuma f’diversi kaxxi b’qisien differenti u dawl individwali għal kull kaxxa. Il-Ħadd 22 ta’ Diċembru ġiet imbierka l-wirja u l-presepju ta’ taħt iz-zuntier minn Dun John Meilaq. B’hekk ġiet miftuħa uffiċjalment u baqgħet miftuħa sal-ewwel tas-sena. Grazzi lil dawk kollha li għenu u sellfuna diversi oġġetti għall-wirja. Kif għedtilkom għal din is-sena kellna wkoll żewġ adolexxenti mix-Xewkija li flimkien bnew presepju kbir. Flimkien irnexxielhom jibnu presepju għall-wiri ta’ livell għoli mill-bidu sal-aħħar. B’entużjażmu kbir minn xhur qabel bdew jaħdmu fejn anke wieħed minnhom, Jean ħadem il-pasturi għal dan il- presepju. F’Euchar u Jean naraw il-futur tal-presepju. Din is-sena erġajna tellajna l-kompetizzjoni tal-isbaħ presepju ġod-djar u l-isbaħ tieqa. Waqt iż-żjara mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Justyne Caruana, setgħet tara x’kellna x’noffru. L-għaqda tixtieq tiringrazzjaha tal-għajnuna li tat lill-Għaqda biex setgħet ittella’ dawn l-attivitajiet b’suċċess. Grazzi tmur lill-Arċipriet Mons. Daniel Xerri li dejjem kien ta’ għajnuna għall-Għaqda biex flimkien inkunu nistgħu nilħqu l-għan aħħari. Grazzi wkoll tmur lil kull min għen fl-attivitajiet li l-istess Għaqda tellgħet matul is-sena. Nixtiequ nħeġġu lil dawk li għandhom għal qalbhom il-Milied biex javviċinaw lil xi membru tal-għaqda u jsir membru biex flimkien inkomplu nkabbru l-ispirtu tal- Milied fix-Xewkija. Minn hawn nirringrazzja lil dawk kollha li għenu u flimkien nitolbu lill-patrun tagħna San Ġwann Battista biex jitfa’ għajnejh fuqna f’dawn iż-żminijiet diffiċli.