Kien kantant , Maestro di Kappella , arluġġar , u anki jsewwi l-orgni . Kien anki jsewwi arloġġi kbar bħal dawk ta ’ diveri knejjes .
Fi żmien il-Kappillani Bezzina u Lia ( fis-snin ħamsin u sittin tas-seklu l-ieħor ), kien għen biex jitwaqqaf kor tas-subien u l-ġuvintur , u ieħor tal-bniet u x-xebbiet . Dawn iż-żgħażagħ kienu jkantaw fil-festi ewlenin . Kienu korijiet tajbin ħafna li kienu kapaċi joħolqu armonija mill-isbaħ billi jkantaw b ’ żewġ vuċijiet , u ġieli bi tliet vuċijiet differenti . Kien ukoll organista fil-knisja tarraħal .
Nazzareno kien ħabrieki , u kull fejn kien ikollu bżonn imur , xemx jew xita , dejjem jaqdef bir-rota .
Callus Pawlu jiġi ħu Salvu Callus ta ’ Vitor ta ’ Manna .
Salvu Callus u l-familja tiegħu ( Ritratt : Familja Callus )
Mix-xellug għal-lemin : Menu Caruana ta ’ Ġakka bis-sassofonu , Pawlu Callus tal-kurunetta , Ganni Farrugia bil-vjolin u Mro Joseph M . Bilocca bl-accordian . ( Ritratt : Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria , Żurrieq )
Kien iżżewweġ lil Ġużeppa Damato . Iż-Żurrieq kulħadd kien isibu bħala Pawlu tal-kurunetta . Fil-fatt hu kien kurunettista prim u solist mal-Banda Queen Victoria . Bħala rikonoxximent u rispett li kellu lejn Pawlu Callus , wara mewtu , is-Surmast Emmanuel Bugeja kien iddedikalu marċ funebri . Kien semmieh In Memory of Paul Callus u kien ġie rrekordjat professjonalment għand Boffa Studios fuq cassette fl-1989 .
Callus Salvu kienu jafuh bħala ta ’ Vitor ta ’ Manna . Ilġenituri tiegħu kienu Kola Callus mis-Siġġiewi u Manna Busuttil ( oħt iċ-Ċali ). Kienu bagħtuh jitħarreġ fil-mużika għand ta ’ Marigus iż-Żurrieq . Wara kien ingħaqad mal- Banda Queen Victoria . Ta ’ ħdax-il sena kien ħareġ idoqq mal-Banda u kien idoqq it-trumbun . Maż-żmien Salvu kien sar bandist bravu u kien ukoll jikteb il-mużika .
Salvu kien trabba u għex fi Triq San Ġorġ , bieb ma ’ bieb ma ’ ħutu . Fost ħutu kellu lil Pawlu li kien idoqq il-kurunetta . Iż-Żurrieq kien iltaqa ’ ma ’ Vitorja li kellha ssir martu . Darba ġiet Ħal Safi , flimkien ma ’ xi tnejn minn ħutha , biex tiltaqa ’ l-ewwel darba mal-familja ta ’ Salvu . Hekk kif feġġet fil-liwja ta ’ ħdejn id-dar taż- Żabbarija , tara lil Salvu bil-kitarra li kif lemaħha beda jdoqqilha bħala merħba . Hekk kif instema ’ d-daqq , ħutu u l-ġirien malajr xirfu rashom barra mill-bieb biex jaraw x ’ inhu jiġri . Vitorja kienet irrakkontat lit-tfal kif kienet saret ħamra nar u kemm kienet stħat ! Is-snin għaddew
118
Każin Banda San Pawl , Safi FESTA 2022
10 snin Kummissjoni Armar
u Salvu u Vitorja kellhom lil Lourdes , Karmena , Żużu , Żarena , Manna , Ġanna ( soru ), Pawlu u Salvina ( soru ).
Karmena ( t-tifla tiegħu ) kienet irrakkontat li f ’ post fi Triq taz-Zutli fiż-Żurrieq , tal-Każin Karmelitan kienu jorganizzaw it-teatrini . Tiftakar lil missierha jieħu lilha u lil Lourdes miegħu u tgħidx kemm kienu jieħdu gost .
Kull sena l-Banda Queen Victoria kienet tiġi ddoqq fil-Festa ta ’ San Pawl f ’ Ħal Safi . Wara li jieħu sehem fil-programm tal-festa , Salvu kien jibqa ’ l-pjazza biex fl-aħħar tal-festa jerġa ’ jibda jdoqq mużika allegra biex iferraħ liż-żgħażagħ u jħallihom jaqbżu u jiżfnu . Apparti d-daqq , Salvu kien ikanta fil-knisja ta ’ Ħal Safi ma ’ Pawlu Zammit ( il-Pinta ) u ma ’ Filomenu Cachia .
Kien il-jum li fih Lourdes , Carmena u Manna kienu għamlu l-Griżma tal-Isqof . Salvu wasal id-dar minn impenn mal-Għaqda Karmelitana . Lill-mara , li kienet tqila b ’ tarbija , qalilha li ma tantx kien jiflaħ . Waqa ’ u miet . Salvu , fl-eta ’ ta ’ 42 sena , kien ixxokkja lil kulħadd bil-mewt tiegħu . L-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria kienet ħadet ħsieb il-funeral tiegħu u kien ġie akkumpanjat minn sħabu l-bandisti li tawh l-aħħar tislima .
Clement , Ġużeppi u Karmnu Cutajar . It-tliet aħwa kienu mużiċisti , ulied Nazzarenu Cutajar tan-Nekus u Rożina Tonna ( minn tal-Buqxa , Żurrieq ). It-tlieta kienu ħadu t-taħriġ mużikali mal-Banda Queen Victoria .
Cutajar Clement , l-ewwel wild ta ’ Żaren u Rożina li twieled fl-1927 , kien idoqq il-klarinett u kien bandist mal-Banda Queen Victoria . Kien jakkompanjahom kull fejn kienu jmorru jdoqqu kemm fil-festi u anke kunċerti . Bħala passatemp kien tgħallem waħdu l-akkordjan u l-orgni tal-ħalq . Mhux biss , iżda kellu xejra artistika għaliex kien jiskolpixxi fil-ġebla Maltija u kien joħloq xi kenur u jnaqqax fuqu l-arma ta ’ San Pawl . Fi żmien il- Kappillan Lia kien irrestawra l-plakka tal-injam li tinsab