Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 98

Festa 2020 Każin Banda San Pawl, Safi Lura għal Ġanni ċ-Chalie. Qegħdin nitkellmu fl-aħħar snin tas-seklu dsatax/il-bidu tas-seklu għoxrin. F’Ħal Safi kien hawn ħafna Ingliżi jgħixu fil-madwar tal-Karwija, Ħal Luqa u Ħal Far. Fil-maġġoranza tagħhom, l-Ingliżi kienu nies twal b’ġilda bajda u fina u b’għajnejhom żoroq. Għalina l-Maltin, konna nikkunsidrawhom nies sbieħ. Qabel, ħafna aktar milli l-lum, mhux l-ewwel darba li konna nisimgħu l-espressjoni Maltija – ‘sabiħ qisu Ingliż!’ Charles jew Charlie (ir-r ma tinħassx) kien isem komuni fost l-Ingliżi. Kienet drawwa tal-Ingliżi u wara ġiet addottata anki bejn in-nies komuni tal-lokal, li jekk iridu jiġbdu l-attenzjoni ta’ xi ħadd li ma jafuhx, kienu jgħajtulu ’aw Chalie’. Peress li Ġanni kien twil u sabiħ, fakkarhom fl-Ingliżi li kienu mdorrija jaraw u laqqmuh iċ-Chalie. Iċ-Ċomni/iċ-Ċumni: Anġlu Dalli Kien it-tifel ta’ Saver u Loreta. Ħutu kienu Gejtan, Pawlu, Kalċa u Karmni li kienu joqogħdu fi Sqaq numru 1, Triq Santa Marija. Anġlu kien miżżewweġ ma’ Katerin Busuttil ta’ Pisuwa u kienu joqogħdu fi Triq San Tumas. Anġlu u Katerin kellhom lil Ġitta, Loreta, Milda, Pawlu, Daniel, Salvu, Karmenu u Ananija. Anġlu kien dilettant kbir tan-nar tal-ajru. Fil-ġimgħa tal-festa, il-ħruq tal-maskli kien ikun f’idejh. Dak iżżmien, il-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl kienet tiġi ċċelebrata kemm Ħal Safi kif ukoll fil-Katidral tal-Imdina. Peress li kienet festa kmandata, fiż-żewġ lokalitajiet kienet issir fil-ġurnata tagħha, il-25 ta’ Jannar. Il-maskli kienu kanen tal-bronż tornati u għoljin xi tmien pulzieri. Dawn kienu jinxtraw jew jinkrew. Minn ġo toqba li l-kanen ikollhom isfel, Anġlu kien idaħħlilhom in-niċċa li kienet tkun il-ftila bil-porvli magħġun magħha. Min-naħa ta’ fuq jgħattihom bit-takki magħmulin minn xi xkora jew karti. Wara jitfa’ x-xaħx u jballtu ’l isfel biex jikkargahom sewwa. Lejlet il-festa filgħodu, għat-Te Deum, Anġlu kien ipoġġi l-maskli waħda ħdejn l-oħra forma ta’ ċirku fuq iz-zuntier, ħdejn il-bieb tal-kampnar tal-qniepen. Filgħaxija, għat-Transulazzjoni, kien itella’ l-maskli fuq il-bejt wara l-kampnar. Anġlu Dalli, iċ-Ċumni, it-tieni fuq ix-xellug minn wara, ħdejn Ġużepp Mifsud (Ta’ Qnieċel) li qed iżomm raddiena f’idu. (Ritratt: mill-ktieb Ħal Safi, Paul Callus) Meta kien jasal il-ħin biex jaħraq il-maskli, Anġlu kien jiġri dawra maċ-cirku tal-maskli filwaqt li jmiss inniċċa bil-gass u dlonk tisma’ ċumm, ċuċumm, ċċumm, ċċumm, ċċuċċmmm, ċċummm! Anġlu kien jimtela xaħx u jtir ’l hemm biex ma jinħaraqx, fost l-agħjat u l-briju tad-dilettanti li jkunu qed jistennew il-mument! Jingħad li wieħed minn ħbiebu dilettanti tan-nar, Filomenu jew Pawlu l-Fokli, kien laqqmu ċ-Ċumni minħabba l-ħoss tal-isparar tal-maskli. Iż-żgħażagħ Ħal Safin kienu jittantaw lil Anġlu biex idaħħaqhom waħda u kienu jgħidulu “Anġlu, tellgħalna wieħed (murtal)!” U Anġlu ma kienx joqgħod lura. Kien jiftaħ dirgħajh it-tnejn ’il fuq u bil-ġesti jimita l-murtal hekk kif jisplodi fl-ajru waqt li jgħajjat “ċumċum, ċumm, ċuċum!” Marcellino: Joseph D’amato magħruf bħala Żużu Fi żmien is-snin ħamsin meta wasal it-televiżjoni Ħal Safi, konna nistgħu naraw programmi fuq stazzjonijiet Taljani biss. Film li kulħadd kien jieħu gost jara kien Marcellino Pane Vino li ntwera fl- 1955. Storja ta’ tifel ċkejken li kien instab wara l-bieb ta’ monasterju fi Spanja u trabba għand ilpatrijiet. Meta tfarfar, il-patrijiet kienu ndunaw li mill-kċina kienu qed jonqsu l-ħobż u l-inbid. Ilpatrijiet issuspettaw fit-tifel u kienu għamlulu l-għassa. U hekk kien, sabu li meta ma jkun hemm ħadd fil-kċina, Marcellino kien inkiss, inkiss jieħu l-panini u ftit inbid u jitla’ fuq fil-kamra tal-bejt fejn kien hemm kurċifiss kbir u antik. It-tfajjel kien ta’ kuljum jitla’ biex Żużu D’amato, Marcellino (Ritratt: Żużu D’amato) jitkellem max-xbiha ta’ Kristu u joffrilu panina x’jiekol u ftit inbid x’jixrob. Il-patrijiet baqgħu mistgħaġba birrabta li raw bejn ix-xbieha u t-tifel ta’ sitt snin! Meta Kristu staqsieh x’kienet l-aktar ħaġa li xtaq, it-tfajjel wieġbu: “Nara lill-mamma tiegħi u l-mamma tiegħek”. Ġesù kien ħaddnu miegħu u ħadu miegħu għal dejjem! Żużu, it-tifel iż-żgħir ta’ Ċikka ż-Żurrieqija, ma kienx ilu li ġie joqgħod Ħal Safi mal-familja tiegħu. Xi ħadd kien xebbah liċ-ċkejken Żużu mat-tfajjel Marcellino u li dak iż-żmien kellu l-istess età tat-tifel fil-film. Mhux biss, kemm Marcellino u kemm Żużu, it-tnejn kellhom par għajnejn kbar u miftuħin! Naturalment, dan ix-xi ħadd, lil Żużu beda jgħajjatlu Marcellino u baqgħatlu hekk. Fil-fatt, minn dakinhar, in-nies hekk kif kienu jilmħu lil Żużu barra fit-triq, frażi f’fomm kulħadd u li kont tisma’ l-ħin kollu, kienet “Marcellino pane vino, Marcellino ħobż u mbid!” 96