Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 75

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020 Sawlu, wara Pawlu, … … Appostlu ta’ Kristu Dun Karm Zammit Aktar ma taqra l-Atti tal-Appostli u magħhom taqra wkoll l-Ittri ta’ San Pawl, indirizzati lid-diversi Komunitajiet Insara ġodda, aktar titqanqal il-kurżità biex nagħrfu aħjar lil dan il-bniedem, Lhudi u Fariżew aħrax u wara Appostlu ta’ Kristu. Fl-Atti tal-Appostli naraw lil Sawlu bħala l-ġuvni taħt l-età, li għax ma jistax igara ġebel jew iħaġġar lil Stiefnu, narawh iżomm il-ħwejjeġ ta’ min kien akbar minnu. Waqt it-tħaġġir ta’ Stiefnu wera l-ħeġġa tiegħu għal Liġi, li aktar tard, f’isimha kellu jitlob il-permess biex imur jaqbad lill- Insara u jarrestahom. Imbagħad, wara l-Konverżjoni tiegħu, permezz tal- Ittri tiegħu narawh jiġri ’l hawn u ’l hemm iwassal lil Kristu. U ma’ dan ix-xogħol bħala Appostlu ta’ Kristu, huwa kien jaħdem ukoll, speċjalment billi ħaddem dik is-sengħa li kien tgħallem – kif kienet titlob il-Liġi Lhudija – is-sengħa tal-ħjata tat-tined, biex kif jgħid hu stess fit-Tieni Ittra tiegħu lit-Tessalonikin: “Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom; il-ħobż li kilna, ħadd ma tahulna b’xejn; imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom. Imxejna hekk mhux għax ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu.” [2 Tess. 3,7-9]. Dan hu l-eżempju qawwi li San Pawl, il-Patrun tagħna, ta’ Ħal Safi, u l-Appostlu, Missier l-Insara Maltin, jagħtina biex aħna ngħixu bħalu, kollna ħeġġa għal Alla f’kull ħin u kullimkien. San Pawl Ħeġġiġna Biex Inkunu Bħalek U Nimxu Fuq L-Eżempju Tiegħek! L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt. [1Kor:13:4-12] 73