Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 72

Festa 2020 Każin Banda San Pawl, Safi “… Għax meta nkun dgħajjef, dak il-ħin inkun qawwi.” [2 Korintin 12, 10B] il-Kan. David Farrugia Kappillan “Dlamijiet ħoxnin inġemgħu fuq ilpjazez, it-toroq u l-ibliet tagħna; ħakmu fuq ħajjitna u mlew kollox b’ħemda li ttarrax u vojt tal-mewt, li kull fejn jgħaddi jipparalizza kull ħaġa: jinħass fl-arja, jidher fil-ġesti, tgħidu kull ħarsa. Erġajna sibna ruħna mbeżżgħa u mifxula.” Dan kien sewwasew il-kliem li bih Papa Franġisku nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu 2020 beda biex jiddeskrivi ż-żmien qawwi tal-pandemija Covid-19 waqt il-Mument Straordinarju ta’ Talb fi Żmien ta’ Pandemija u li ntemm bil-Barka “Urbi et Orbi.” Tassew mument straordinarju, mhux biss il-kliem u l-ġesti tal-Papa, imma saħansitra s-sitwazzjoni hekk imsejħa ‘surreali’ li għexna, u sa ċertu punt għadna qed ngħixu. Quddiem il-qilla ta’ din il-pandemija, bħal għadu tant inviżibbli imma tant preżenti u kiefer, bosta kienu li daru lejn Alla u talbuh, kif ukoll li sejħu l-interċessjoni tal- Qaddisin, speċjalment dawk li fit-tradizzjoni nisranija nsibuhom bħala qaddisin protetturi, speċjalment fi żmien ta’ mard qalil jew ta’ theddid minn xi għadu: Santu Rokku, San Sebastjan, San Ġorġ, u tant qaddisin oħra. Imma żgur ma jistax jonqos missierna San Pawl, li wkoll jiġi msejjaħ b’qawwa, speċjalment minna l-Maltin. Fid-dgħjufija, il-qawwa Papa Franġisku, waqt li kkummenta l-Vanġelu ta’ Ġesù li jikkalma t-tempesta, irrimarka li bħalma ġara lid-dixxipli, “it-tempesta tikxef il-vulnerabbiltà tagħna u dawk iċ-ċertezzi foloz u tal-qoxra li bihom bnejna l-aġendi tagħna, il-proġetti tagħna, id-drawwiet u l-prijoritajiet tagħna. Turina kif ħallejna jorqod u warrabna fil-ġenb dak li jagħti l-ħajja, iwieżen u jqawwi lil ħajjitna u l-komunità tagħna. … Bit-tempesta, waqgħet il-maskra tal-isterjotipi li biha għattejna l-“jien” tagħna dejjem ħsiebu kif ħa jidher; u baqgħet mikxufa, għal darb’oħra, dik l-(imbierka) appartenenza komuni li ma nistgħux naħarbu minnha: l-appartenenza bħala aħwa ta’ xulxin.” U kieku San Pawl kellu jikkumenta fuq dan il-kliem, żgur li kien ikompli jżid ġmielu, u jkellimna anke millesperjenzi ta’ ħajtu. Forsi bħala Maltin, moħħna mill-ewwel imur għat-tempesta li biha spiċċa nawfragat f’Malta. Iżda aħna l-Ħal Safin, li tant nimmeditaw u niffesteġġjaw ilkonverżjoni tiegħu, ta’ min nagħrfu li l-ewwel darba li ġie b’wiċċ imb wiċċ sewwa mar-realtajiet li jsemmilna Papa Franġisku kien sewwasew fit-tempesta personali li qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq, hekk kif kien fi triqtu lejn Damasku: dawl għamih, sema’ s-sejħa, waqa’ fl-art, qajmuh u ħaduh Damasku, u wara diversi jiem tgħammed u rċieva d-dawl ġdid wara li tgħammed minn Ħananija. San Pawl: figura u espressjoni ċara u qawwija ta’ din il-verità Tassew San Pawl beda jiltaqa’ mal-vulnerabbiltà, maddgħjufija umana tiegħu u ta’ kull bniedem, li wassluh biex jiffaċċja ċ-ċertezzi foloz u tal-qoxra. Waqt li d-drawwiet u l-prioritajiet tiegħu bħal donnhom tgerfxu, bdiet tinkixef għalih, u bih nistgħu ngħidu wkoll, għal kull nisrani, l-appartenenza komuni, l-appartenenza bħala aħwa ta’ xulxin. Alla nqeda b’Ħananija, li għallbidu beża’ u rreżista, biex Sawlu ta’ Tarsu jibda jgħix fi Kristu, jew aħjar biex Kristu jibda jgħix fih, u jasal jagħmel stqarrija qawwija u li ta’ min inħalluha timmarkalna aktar ħajjitna: “… Meta nkun dgħajjef, dak il-ħin inkun qawwi.” [2 Kor. 12, 10b]. Hu ġarrab u fehem sewwa, u għalhekk seta’ u għadu jista’ jgħallimna bis-sħiħ li s‐sitwazzjonijiet ta’ miżerja umana huma għal Alla okkażjoni tassew qawwija ta’ ħniena. Għax din hija l-qawwa ta’ Alla: kapaċi jibdel f’tajjeb dak kollu li jiġrilna, imqar il-ħwejjeġ koroh. Huwa jikkalma l-irwiefen tagħna, għax ma’ Alla l-ħajja ma tmut qatt. Iżda jeħtieġ li nilqgħu s-sejħa li jagħmlilna għall-fidi, dik li ċċaqlaqna biex nafdaw dejjem aktar FiH, dik li tistedinna, anzi tisfidana, biex inqumu u nħaddmu s-solidarjetà u t-tama li kapaċi jimlew bil-qawwa, kapaċi jwieżnu u jagħtu tifsira lill-ħajja personali tagħna kif ukoll lil dik ta’ tant nies madwarna. Sena stramba imma li ta’ min nagħrfu nitgħallmu minnha wkoll Għaldaqstant, waqt li niflu sewwa din is-sena, veru li għaddejna minn żmien qawwi ta’ iżolament li fih ġarrabna diversi diffikultajiet, bħan-nuqqas tal-ġesti ordinarji u tallaqgħat komuni tagħna, u ta’ tant affarijiet li noħduhom ‘for granted’, imma ejjew nammettu wkoll u nagħrfu kemm spikkaw qawwija l-interess f’xulxin u għal xulxin:- min jaħdem fil-qasam tas-saħħa u tal-anzjani wera dedikazzjoni 70