Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 129
Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020
f’Ruma (Marzu 2020, magħluqa malli nfetħet minħabba
l-virus) rajna diversi vidjos dwar ir-ritratti famużi ta’
Agnolo Doni (1506, Pitti, Firenze) u Madalena Strozzi
(1506, Pitti, Firenze) b’superimposition ta’ ritratt ta’
Leonardo, il-Mona Lisa, biex wieħed jieħu idea kemm
Raffaello ħares lejn il-mudell tal-mastru, speċjalment ilpoża
tal-idejn, il-ħarsa fil-wiċċ u l-ħwejjeġ bil-panneġġ
u l-ġojjellerija.
Magħrufa wkoll La Muta (1507, Galleria Nazionale
delle Marche, Urbino), La Gravida (1505-06, Pitti,
Firenze), Tfajla bil-Velu (1516, Pitti, Firenze) u La
Fornarina (1518-19, Galleria Nazionale, Ruma). Din
tal-aħħar, bil-bravura ta’ velu trasparenti li minnu jidher
it-torso, turi l-influwenza ta’ Lippo Lippi u hija x’aktarx
il-maħbuba tal-artist. Il-ġentilezza li biha jersaq Raffaello
lejn dawn ir-ritratti femminili turi l-karattru seren u
trankwill tal-artist. Dawn l-elementi jinħassu wkoll fissuġġett
bħala Maddoniere.
L-Alba Madonna (1511, National Gallery, Londra)
u l-Madonna della Seggiola (1514, Pitti, Firenze) huma
żewġ xogħlijiet forma ta’ tondo. It-tnejn għandhom
sens ta’ tenerezza, ħlewwa u ġentilezza. Tal-ewwel ilkompożizzjoni
piramidali mqiegħda f’pajsaġġ idilliku,
bħal ħolma ta’ maġija tremenda. Il-pjanti fil-ħaxix
huma influwenza ta’ Leonardo, li kellu mħabba kbira
għall-botanija. It-tieni xogħol qiegħed f’ċirku mingħajr
xenarju. Kompożizzjoni magħquda ta’ tenerezza u
mħabba materna intensa. Xogħol sofistikat, rikk, u
nobbli. Dawn ix-xogħlijiet jinħassu influwenzati millkunċett
tad-Doni Tondo (1504-06), Uffizi, Firenze),
xogħol Michelangelo.
La Madonna del Granduca (1504, Pitti, Firenze)
famuża għall-monumentalità tal-figura tal-Madonna li
kulħadd jaħseb mad-daqqa t’għajn li hija figura sħiħa, hija
fil-fatt biss żewġ terzi. Kienet tal-pittur Carlo Dolci iżda
fl-1799 xtraha Fredinandu II ta’ Habsburg-Lorraine li tant
kien japprezzaha li kien iġorrha miegħu kull fejn imur.
Il-Madonna ta’ Foligno (1511-12, Pinacoteca Vaticana,
Ruma) u l-Madonna Sistina (1513-14, Gemäldegalerie,
Dresden) huma żewġ kwadri fejn Raffaello jittratta
l-Madonna bħala ideal ta’ sbuħija, tenerezza u grazzja.
Fil-Madonna ta’ Foligino l-kromatiżmu huwa Venezjan
u x’aktarx l-artist kien diġà influwenzat minn Sebastiano
del Piombo, Lorenzo Lotto u Giulio Romano waqt li
Longhi jafferma li l-pajsaġġ huwa x’aktarx influwenza
ta’ Dosso Dossi. Id-delikatezza u l-irtubija tal-kulur
joħolqu trankwillità, serenità, u paċi.
Raffaello huwa msemmi għall-affresk Skola ta’ Ateni
fis-Sala della Segnatura (1509-10) fejn Platun u Aristotile
jingħataw importanza massima. Fil-cartoon (Pinacoteca
Ambrosiana, Milan), ma hemmx il-persunaġġ ta’
Eraklitu, għax lil Raffaello żiedu fix-xogħol finali bħala
omaġġ lil Michelangelo.
Il-fiżjonomija ta’ Eraklitu hija dik ta’ Michelangelo
ħosbien. Kapolavur mill-aqwa, li jinkludi personaġġi
magħrufa fl-istorja li ħafna minnhom huma ritratti
awtentiċi, bħal dak ta’ Platun li jirrappreżenta Leonardo.
L-arkitettura hija ispirata minn Bramante, l-arkitett
famuż li ppjana l-Vatikan. Il-volta hija dik attwali fil-
Vatikan. Is-suġġett huwa storiku u meta ċ-ċeramisti kienu
jikkupjaw suġġett bħal dan: storiku, mitiku u bibliku filmajolika
kien jissejjaħ ‘istoriato’.
Il-Ħarba ta’ San Pietru mill-Ħabs (1513-14, Stanze
Vaticane) hija tour de force ta’ Raffaello, forsi l-iżjed
xogħol influwenzat mill-istil Venezjan. Xogħol tremend
li ddominat mid-dawl ħiereġ miż-żewġ anġli, mit-torċi
tas-suldati, ir-rifless tal-armatura tal-azzar u l-qamar
mingħajr, ma sors ta’ dawl jirbaħ fuq ieħor. Ir-rakkont
huwa fidil għal dak fl-iskrittura. Espressjonista wkoll
hu r-rakkont in-Nar fil-Borgo (1514, Stanze Vaticane) li
jqanqal biża’, ansjetà u emozzjoni. Jinħass l-intervent ta’
Giulio Romano.
Il-Galatea (1514) fil-Villa Farnesina, huwa affresk
ikkummisjonat mill-bankier l-iżjed sinjur Agostino
Chigi minn Siena. Raffaello juri l-imħabba tiegħu għallarkeoloġija
u l-mitoloġija u spirat mill-poeta Angelo
Poliziano li kien ta parir għas-serje mhux kompleta għal
Stanza per la giostra fl-istess villa. Raffaello ffoka dwar
l-apoteosi tan-ninfa Galatea b’figuri ikbar mill-veru,
b’anatomija meħuda minn Michelangelo u b’veriżmu
Klassiku li jixbah dak fil-Villa dei Misteri f’Pompeii,
bid-differenza li Galatea hija storja ta’ mitoloġija waqt
li s-suġġett tal-Villa dei Misteri huwa r-ritwal uman ta’
mara li qiegħda tlesti biex tiżżewweġ f’realiżmu sostnut.
L-ispirtu, il-viżjoni u l-istil tal-Galatea huwa dak li
spira lil Giulio Romano fis-Sala ta’ Psyche f’Palazzo Te,
Mantova.
Il-moviment ta’ Galatea, riekba l-karru-arzella
miġbud minn żewġ dniefel b’tant forza dinamika, f’sens
trijunfali jixbah dak ta’ proċessjoni ta’ trionf Ruman li
jiċċelebra l-vittorja wara battalja. Dan ix-xogħol juri
l-kobor ta’ dan l-artist li miet żgħir fl-età ta’ 37 sena.
Mill-bottega ta’ Raffaello ħareġ tant xogħol maħdum
mis-segwaċi tiegħu li jifforma ‘period style’, ibbażat
fuq iċ-ċikli dekorattivi ta’ affreski li nstabu f’Pompeii,
Herculaneum u fid-Domus Aurea ta’ Neruni, stil Ruman
tal-epoka Imperjali.
127