Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 123
Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020
Ir-Rinaxximent f’Firenze
Leonardo, Michelangelo, u Raffaello
E. V. Borg
Ir-Rinaxximent f’Firenze kien żmien
jew ekopa speċjali, partikolari u unika,
iżda wieħed jinduna li billi l-Italja kienet
maqsuma fi stati bliet, kien hemm ċentri
oħra mxerrda fil-pajjiż li kellhom arti
u kultura Rinaxximentali li tikkompeti
ma’ dik Fjorentina: Pisa, Lucca, Siena,
Ruma, Urbino, Mantova, Ferrara,
Verona, Turin, Genova, Milan, Venezja u
bliet oħra. Dawn l-ibliet kienu ddominati
minn familji nobbli u sinjuri li biex ikunu
jistgħu jikkompetu u juru munifiċenza,
kienu jistimulaw iċ-ċerimonja, ir-ritwal
u l-kollezzjonijiet tal-arti, jistiednu skulari, umanisti,
artisti u jrawmu qorti nieqsa minn xejn. Kienu jistiednu
nani u annimali sbieħ bħall-ġiraffi u l-leopardi. Kien
żmien il-merċenarji u li tqabbad condottiere biex
jiġġilidlek kontra l-għadu tiegħek u tħallsu bil-fjorini
tad-deheb. Hekk ir-Rinaxximent kien imxerred f’ħafna
bliet Taljani. Il-Medici, l-Isforza, il-Gonzaga, l-Este, il-
Montefeltro, il-papiet u familji nobbli oħra kienu l-ixprun
biex titkattar il-kultura, l-arti, l-ekonomija u l-kummerċ.
L-istat belt kien mirfud mill-merkanti, in-negozjanti,
il-bankiera, in-nies tas-snajja’, u l-industrija tat-tessuti
– ħarir, xoqqa, suf, qoton u drappijiet fini, bħad-damask
u l-brokkard. Is-suq kien varjat u kien jinkludi twapet,
ġojjellerija, ħwawar u kull xorta ta’ ġid. L-ekonomija
kienet megħjuna mis-swieq u l-fieri.
Introduzzjoni
Leonardo (1452-1519), Michelangelo (1475-1564)
u Raffaello (1483-1520) jitqiesu bħala triumvirat, li
flimkien jikkaratterizzaw ir-Rinaxximent Għoli. Jien
insostni li dan it-terminu huwa vag jew ivvintat; tant hu
hekk li jekk ngħarblu sew il-lingwaġġ ta’ dawn il-mastri
nsibu differenzi bażiċi fil-viżjoni, fil-kunċett u fit-teknika
u l-istil. Naturalment l-istudju umanistiku jsaħħaħ ilħoloq
ta’ bejniethom.
Bħala eżempju ċar nixtieq nirreferi għal Michelangelo
li juri viżjoni differenti bejn il-lingwaġġ użat fis-saqaf
tal-Kappella Sistina: il-Ktieb tal-Ġenesi meta mqabbel
ma’ dak ta’ L-Aħħar Ġudizzju fuq il-ħajt tal-artal maġġur,
fl-istess spazju. Naturalment bejn is-saqaf (1508-12) u
l-ħajt (1536-1541) hemm 24 sena differenza u ż-żminijiet
kienu nbidlu radikalment. Ir-riforma u l-kontrariforma
nisslu f’Michelangelo dubji kbar ta’ fidi u għalhekk
il-lingwaġġ jinbidel minn kult ta’ sbuħija, armonija u
bilanċ, għal kult ta’ disperazzjoni, kruha u instabbiltà.
Michelangelo ħassu qiegħed jimxi fuq irramel.
Immaġina, jekk il-lingwaġġ inbidel
fl-istess artist, kemm iżjed jinbidel jekk
inqisu t-tnejn l-oħra.
Il-karattru ta’ dawn it-tliet mastri
huwa kontrastanti u konfliġġenti.
Leonardo, f’serje ta’ artikli li ktibt għal
gazzetta lokali, immaġinajtu għaddej
minn għalqa qamħ mas-segwaċi tiegħu
jiddiskuti b’mod raġunat u kalm. Kien
bniedem għaref u soċjevoli, xjentifiku
u matematiku, sistematiku u metikoluż.
X’aktarx kien flemmatiku u paċenzjuż, u
dawn l-elementi jinħassu fil-lingwaġġ pittoriku u forsi
l-aqwa eżempju ta’ dan huwa L-Aħħar Ċena.
Il-kelma użata biex tiddeskrivi l-karattru ta’
Michelangelo kienet ‘terribbiltà’. Kien bniedem koleriku
u melankoliku. Inħobb nuża l-kelma ‘sweet melancholy’
biex niddiskrivi l-bażi tal-kreattività ta’ dan il-ġenju.
Forsi l-aqwa mod biex wieħed jirrikonċilja dawn iżżewġ
faċċati biżżejjed wieħed jirrelata u jikkuntrasta
l-Pietà tal-Vatikan u r-Rondanini Pietà, f’Milan.
Il-karattru ta’ Raffaello kien ġenjali, soċjevoli, kalm u
ġeneralment stabbli u kuntent. Huwa l-bniedem sangwin.
Ukoll f’dan il-każ tgħaddi differenza kbira bejn il-
Madonni li pitter Raffaello, li huma l-grazzja u s-sbuħija
inkarnata, u Il-Ħarba ta’ San Pietru mill-Ħabs fl-‘istanze’
tal-Vatikan. Din tal-aħħar hija pittura espressjonista fi stil
kromatiku artab Venezjan waqt li l-Madonni ta’ Raffaello
huma eżempju ta’ stabbiltà, kalma u paċi.
Ma’ dawn id-differenzi fil-karattru rridu nqisu
d-differenza fl-età, għalkemm kontemporanji. Leonardo
twieled ġenerazzjoni (23 sena) qabel Michelangelo.
Leonardo miet ta’ 67 sena. Bejn Michelangelo u Raffaelo
hemm biss 8 snin jifridhom, iżda waqt li Michelangelo
miet ta’ 89 sena, Raffaello miet relattivament żgħir, ta’
37 sena. Għalkemm Raffaello kien ġenju tassew prekoċi,
Michelangelo, li kien tant prolifiku, baqa’ jaħdem salmewt
u ħoloq tant xogħol validu u influwenti. Meta Papa
Ġulju II ikkommissjona x-xogħol tas-saqaf fil-Kappella
Sistina lil Michelangelo u s-Swali tas-Senjatura lil
Raffaello fl-1508, Michelangelo kellu 32 sena waqt li
Raffaello kellu biss 25 sena.
Michelangelo kien għajjur u ma ried lil ħadd
jgħinu. Meta Giulio Romano pprova jaħdem miegħu,
Michelangelo ma aċċettax. Michelangelo kien buruż.
Meta sab l-impalkatura lesta biex jaffreska s-saqaf tal-
Kappella Sistina, ma ħax gost u insista li jżarma u jagħmel
121