Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 71

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2019 Fi Christen Cachia, li miet traġikament fl-aħjar żmien ta’ ħajtu f’inċident tat-traffiku fl-4 ta’ Mejju 2019, fl-età ta’ 31 sena, waqt li kien qed isuq taxi f’San Pawl il-Baħar. Huwa kien iħobb ħafna lil Ħal Safi u lill-patrun tar-raħal Missierna San Pawl. Huwa għamel diversi snin attiv bħala membru fil-każin tal-Banda San Pawl, fl-armar għall-festa ta’ San Pawl u anki fix-xogħol tal-piroteknika. Christen, li kien missier ta’ tifla, Martina ta’ tliet snin, kien għamel ftit aktar minn sena jmexxi l-kamra tan-nar ta’ Ħal Safi bħala licensee u kien jaħdem kemm in-nar tal- arju u wkoll dak tal-art. Kien ukoll jgħin fl-armar tal-festa. Christen Cachia F’Karmenu Zahra, magħruf bħala Nenu ta’ Rożi, li miet fid-29 ta’ Marzu 2019, fl-età ta’ 72 sena. Minn ċkunitu kellu rabta mill-qrib mal-knisja, ma’ San Pawl u mal-Każin Banda San Pawl. Fi ċkunitu kien iservi ta’ abbati u kienet l-hena tiegħu jdoqq il-qniepen tal- knisja fil-kampnar. Meta kiber għamel żmien jgħin fil-ħdim tan-nar għall-festa u anki kien jagħti daqqa t’id fil-ħruq, u aktar tard sar wieħed mir-reffiegħa l-aktar akkaniti tal-istatwa ta’ San Pawl. Baqa’ jieħu sehem fil-purċissjoni ta’ San Pawl sas-sena li għaddiet, iżda fl-aħħar snin kien jieħu forċina. Imma l-vara ma ħallieha qatt. Nenu Zahra kien ipprofessat fil-fratellanzi tar-Rużarju u tas-Sagrament f’Ħal Safi u wkoll f’dik Tal-Karmnu fiż-Żurrieq peress li kien devot kbir ukoll tal-Madonna tal-Karmnu. Kien jieħu sehem f’kull purċissjoni bħala fratell u jilbes skont il-festi rispettivi. Huwa għamel żmien twil fil-Kumitat Ċentrali tal-Każin Banda San Pawl Safi, u anke serva bħala delegat tal-banda. Barra minn hekk ta sehem fix-xogħol li sar meta twaqqa’ l-każin l-antik u nbena dak ġdid. Kellu mħabba kbira lejn San Pawl tant li qabel daħal l-isptar, fejn ħalla dan il-wied ta’dmugħ, mar sellem għall-aħħar darba lill-istatwa ta’ San Pawl fin- niċċa u m’hemmx dubju li issa qed igawdih fis-sema. Bil-mewt tiegħu żgur li Ħal Safi tilef persuna dħulija, ċajtiera, b’valuri sodi u li kienet taf tmur tajjeb ma’ kulħadd. Nenu Zahra L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt. [1Kor:13:4-12] 90 Sena Soċjetà 1929-2019 30 Sena Banda 1989-2019 175 Sena Statwa Titulari 1844-2019 69