Gourgion Ġunju 2020 - Għadd 62 | Page 109

107 Minkejja li fil-programm ma hemmx min daqq dan l-innu lejlet u nhar il-festa, madankollu, dan joħroġ ċar fis-snin ta’ wara. Mill-1951 sal-1955, kienet il-Banda Leone li daqqet dan l-innu lejlet il-festa, waqt li l-Banda La Stella daqqitu f’nhar il-festa fis-snin 1951 u mill-1953 sal-1955. Fis-sena 1952, il-Banda Leone daqqet dan l-innu, kemm lejlet, kemm f’nhar il-festa. Fl-esekuzzjoni ta’ nhar il-festa tas-sena 1952, il-Banda Leone kienet taħt id-direzzjoni tal-kompożitur ta’ dan l-innu, Mro Indrì Borg. Mis-sena 1956 u għal għadd ta’ snin wara, kienet il-Banda Leone li esegwiet dan l-innu, kemm f’lejlet u kemm f’nhar il-festa tal-Battista. Fl-esekuzzjoni ta’ dan l-innu fis-sena 1950, kienu ħadu sehem tenur u baritnu Maltin, li ta’ żewġ servizzi tħallsu s-somma ta’ £7 10s, inkluż dak tal-vettura. Il-Banda Prekursur bdiet tesegwixxi dan l-innu mis-sena 1970 ’l hawn. il-Prekursur - Banda u Festa Ta’ Grazio A. Grech Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann Battista ta’ din is-sena, il-kittieb u storiku Grazio A. Grech, qed iniedi pubblikazzjoni ġdida bl-isem ta’ Il- Prekursur – Banda u Festa. Din il-pubblikazzjoni, li fiha madwar mija u sitta u sebgħin faċċata, hija maqsuma fi tliet partijiet prinċipali. L-ewwel parti tinkludi l-Istorja dokumentata tal-Banda Prekursur, filwaqt li anke tagħti ħarsa lejn aspetti soċjokulturali, mużikali u reliġjużi marbuta ma’ din l-istess soċjetà. Ta’ interess partikolari hija d-dokumentazzjoni tas-servizzi li l-istess Banda Prekursur għamlet matul is-snin, mhux biss fix-Xewkija, iżda wkoll fi rħula oħrajn Għawdxin, Maltin u anke barra minn Malta. It-tieni parti tkopri l-festi marbuta mal-qaddis protettur San Ġwann Battista fix- Xewkija. Hawn insibu informazzjoni dwar il-mużika tal-knisja, il-Maestri di Cappella u anke tagħrif dwar baned Għawdxin u Maltin li pparteċipaw f’din il-festa. Fl-aħħar taqsima nsibu erba’ bijografiji ta’ personaġġi marbuta sew mal-qasam mużikali Xewki. Din il-pubblikazzjoni qed tfakkar u tiċċelebra wkoll il-175 sena mill-wasla tal-istatwa ta’ San Ġwann Battista fostna, id-90 sena minn mindu l-Banda Prekursur bdiet tieħu sehem fil-festa ta’ San Ġwann u s-70 sena miż-żanżin tal-innu Per Natività di San Giovanni Battista. Kull min jixtieq jakkwista kopja ta’ dan il-ktieb għandu jikkuntattja lil Anthony Grech fuq 79271924. il-ktieb qed jinbiegħ għall-prezz ta’ €20.