Gourgion Ġunju 2016 Għadd 58 | Page 27

25 għaqDiet reliġjuŻi fiX-Xewkija

AzzJoNI KATToLIKA Dr Marsette Xerri

Il-wasla ta ’ festa oħra indubbjament tindika t-trapass ta ’ sena oħra ; sena li matulha l-Azzjoni Kattolika tar-raħal tagħna reġgħet għamlet l-almu tagħha sabiex tkun fidila lejn isimha , u tkun attiva bl-aħjar mod possibbli .
F ’ era fejn kull rokna ta ’ ħajjitna jkollha kontinwament tissielet kontra s-sekulariżmu u l-influwenzi xejn minimi tiegħu , din is-sena l-membri tal-Azzjoni Kattolika ħassew il-bżonn li l-ewwel u qabel kollox ifakkru lix-Xewkin x ’ kienu l-pedamenti ta ’ din l-istess għaqda . Inħasset il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar x ’ kienu l-motivi li kellhom l-antenati tagħna meta lura lejn l-1938 ħadmu bis-sħiħ sabiex din l-għaqda titwaqqaf u tiġbed lejha numru sabiħ ta ’ Xewkin . Għaldaqstant , flimkien mal-programm tal-ġimgħa tal-Azzjoni Kattolika , din is-sena ġie mqassam leaflet li inkluda fih tagħrif dettaljat ta ’ din l-għaqda .
Iktar minn kollox , l-enfasi tul din is-sena tqiegħdet l-iktar fuq il-ħtieġa li l-Azzjoni Kattolika , li fuq nota pożittiva ferm , ta ’ min jgħid illi fir-raħal tagħna hija komposta mill-ikbar numru ta ’ fergħat , tagħti lok għal ideat u attivitajiet li jkunu jinkwadraw fis-socjeta` kurrenti u l-ħtiġijiet implikati minnha . Għaldaqstant , fuq bażi staġjonali , ġew miżmuma laqgħat mad-diversi diriġenti rappreżentanti ta ’ kull fergħa illi għandna fir-raħal tagħna , biex b ’ hekk ingħatat vuċi lil kull rapprezentat u ntefa ’ dawl aħjar fuq l-ideali u l-aspettazzjonijiet tal-membri fi ħdan dawn l-istess fergħat . Tali laqgħat kienu produttivi ferm , b ’ mod partikolari meta wieħed iqis illi l-fatt li l-membri kollha huma ta ’ etajiet varji u ġejjin minn strati diversi tal-ħajja ifisser għadd ta ’ realtajiet li jeħtieġ illi jkunu indirizzati .
L-Azzjoni Kattolika ħasset il-bzonn ukoll illi ma tkunx preżenti biss b ’ mod dokumentat , iżda saħansitra billi twassal il-vuċi tagħha lill-komunità li tappartjeni fi ħdanha . Għal din il-fini , ġew imtellgħin żewġ programmi fuq ir-radju tal-komunità` tagħna , Radju Prekursur , bis-suġġett principali jkun dak ta ’ Marija
Addolorata ; programmi illi kienu speċifikament intiżi għall-perjodi tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa . Għal darb ’ oħra dawn ma kinux produttivi biss fis-sens illi ġie mqiegħed fihom is-sehem attiv talmembri tagħna , però għenu sabiex l-għaqda tifrex iktar il-preżenza tagħha fir-raħal u tilħaq udjenza ikbar .
Bla dubju ta ’ xejn , ikun inutli li għaqda reliġjuża , bħalma hija l-Azzjoni Kattolika teżerċita biss sforzi in terminu ta ’ attivitajiet , jekk l-isforz prinċipali ma jkunx dak ta ’ tiġdid u riġenerazzjoni . Qiegħed jingħad dan għaliex , fuq nota mhux daqstant pożittiva , hemm drabi fejn l-għaqda tagħna jkollha taffaċċja r-realtà ta ’ sħubija b ’ età medja kemxejn lil hinn minn ġovanili . B ’ ton pożittiv , madanakollu , ta ’ min isemmi illi l-għaqda tagħna hija waħda li dejjem irnexxielha żżomm u trawwem fi ħdanha fergħa tal-adoloxxenti , u li fuq nota sodisfaċenti , il-maġġor parti tagħhom ilhom jattendu għal numru ta ’ snin . Sabiex jiġu indirizzati l-ideali ta ’ din l-iskaluna soċjali , l-adoloxxenti ma jiġux biss mogħtija l-formazzjoni spiritwali illi hi tant kruċjali fi żminijiet li matulhom ħafna drabi jsibu ruħhom f ’ salib it-toroq , iżda jiġu organizzati lilhom ukoll għadd ta ’ attivitajiet li jgħinu sabiex iżommu ingaġġat l-interess tagħhom fl-istess għaqda .
B ’ estensjoni għall-ħidma ġenwina li twettqet millmembri tagħna din is-sena , nieħu l-opportunità u nħeġġeġ lil kull min jista ’ jkun qiegħed jaqra dan l-artiklu u li mhuwiex membru tal-Azzjoni Kattolika sabiex imidd il-pass u jissieħeb fil-fergħa addattata għalih , u ċertament li jkun qiegħed jinvesti f ’ esperjenza ta ’ formazzjoni nisranija , tiġdid spiritwali , u sħubija attiva f ’ komunità li essenzjalment jeħtiġilha taħdem favur l-istess ideoloġi . Nieħu l-opportunità` wkoll sabiex nirringrazzja lill-membri kollha li għal sena oħra għarrfu jwettqu l-missjoni attiva tagħhom . Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba .