44
Lil San Ġwann Battista
Titular u Patrun tal-Knisja Arċipretali tax-Xewkija
Fil-Jum tat-Twelid Tiegħu
24 ta’ Ġunju 1923.
Min ma jridx, O Kbir Giovanni,
F’dan il-jum ifaħħrek miegħi?
Qaddis Int sa min ġuf Ommok,
Deh it-tifħir isma t-talb tiegħi.
Fuq ir-ras ta’ Ġesù Kristu
L-ilma sawwabt minn ġol-Ġordan;
U Alla semma l-leħen tiegħu,
Il-maħbub Ibni, qal: Hu dan.
L-isem tiegħek grazzja ifisser
U b’kull grazzja għaniek Alla
Hekk kif Ġesù ġie jżurek
Ebda għama fik ma ħalla.
Tas-suppervi Fariżej
Kont iċċanfar il-kburija:
Is-Sultan ukoll mort twiddeb,
Sabiex twarrbu mill-ħżunija.
Tarbija kont moħbi f’ġuf ommok,
Meta bil-ferħ hemm thennejt,
U Missierek ħall ilsienu
Benedictus beda jgħid.
Fil-kastell ta’ Macheronte,
Fejn għabbiek bi ktajjen tqal,
Ħsiebek biss dejjem kien f’Alla
U xejn ma rajt il-pwieni twal.
Minn dar ommok rajnik taħrab
Ħelu tfajjel ta’ xi sentejn
O Ġiovanni ċkejken, ċkejken
Fejn int sejjer Ġiovanni fejn?
Erodijade x-xellerata
Tobgħod, tobgħod tarak qaddis:
Kontra tiegħek ’l Erodi xxewwex
U mejjet ukoll tridek fis.
Ġod-deżert l-iktar imwarrab
Mort tinħeba u fit-tbatija
Fost is-sawm, t-tgħakkis tal-ġisem
Ta’ Ġesù diġù sirt xbieha.
Kbir bankett kien ta’ Erodi
Fil-ġurnata ta’ twelidu,
Fejn Salòme żifnet bosta
U s-Sultan wegħdha nofs ġidu.
Biex issir kbir quddiem Alla
Iċċekkint bosta quddiem l-art:
Waħdek, waħdek ġewwa id-deżert
Il-faqar b’sieħbek hemm int ħtart.
Erodijade tgħid lil binta,
Li m’għandhiex titlob ebda ġid:
Ma fi platt ir-ras ta’ Ġwanni
Maqtugħa tara biss kienet trid.
B’ġild ta’ ġemel int tinsatar
X’tiekol ħlief l-għasel u l-ġurat?
Għall-art dejjem irqad tiegħek
Għaġeb bħalek qatt l-art ma’ rat.
Is-Sultan għax ħalef t’iblah,
Lil Salòme ried jikkuntenta,
U ras qata’ ta’ Ġiovanni,
Lilu imsejken itturmenta.
Safja qalbek kif il-ġilju,
Bniedem bħalek ma deher qatt,
U il-kbar grazzji, il-ġid tas-sema
Li tak Alla ma ta lil ħadd.
O fidil martri ta’ Kristu,
F’dan il-jum isma’ t-talb tagħna:
It-tifħir Int ukoll ilqa’
Ħenn għalina u ieqaf magħna.
Leħen kont Int ġod-deżert
U n-nies semgħet il-kliem tiegħek
Int xandart il-penitenza
U n-nies stqarret ’l Alla miegħek.
Sliem għalik O kbir Ġiovanni,
Ta’ Ġesu’ kbir Prekursur:
Lejn is-sema fiss ittajar,
Għal kuruna tal-unur.
Tal-Messija li kellu jitwieled
It-triqat Int mort wittejt,
Inti għajjat: Ecce Agnus Dei
U tipprietka Lilu wkoll bdejt.
Fit-twelid, fil-ħajja, f’mewtek,
Lilek nagħtu kull foħrija,
Iberkuk il-ħlejjaq kollha
Bik titgħaxxaq ix-Xewkija!