Messaġġ mill-E . T . Mons . Anton Teuma ISQOF TA ’ GĦAWDEX
Għeżież ,
Nixtieq inrodd ħajr lil dawk kollha li ħadu sehem f ‛ dan il-proġett tassew sabiħ . Din l-esperjenza ġabet flimkien l-istudenti , l-għalliema u dawk responsabbli mill-iskola . U dan mhux fi skola waħda ! Hija esperjenza li għaqqdet l-iskejjel kollha flimkien , kemm dawk Primarji kif ukoll Sekondarji .
Permezz tal-Enċiklika Fratelli Tutti - “ Ilkoll Aħwa ”, għamiltu esperjenza vera ta ‛ fraternità . Il-paragrafi tal-Enċiklika li kull skola ħadet ħsieb terġa ‛ tikteb , laqqgħu b ‛ xi mod lil kull tifel u tifla , żagħżugħ u żagħżugħa , għalliem u għalliema , ma ‛ dan it-tagħlim sabiħ tal-Papa Franġisku : Aħna min aħna , ilkoll aħwa ta ‛ xulxin !
Il-bnedmin kollha huma membri ta ‛ familja waħda . Bħalma l-aħwa jaqbżu għal xulxin u jiddefendu lil xulxin meta xi ħadd minnhom ikun fil-periklu , hekk għandha tkun il-familja kollha tal-bnedmin . M ‛ hemmx kulur jew razza , reliġjon jew kultura , lingwa jew drawwiet , li għandhom ifixkluna milli nkunu tassew aħwa li jinħabbu bejniethom .
Eżerċizzju bħal dan isejjaħ lil kulħadd , studenti , għalliema u responsabbli tal-iskejjel , biex ngħixu l-fraternità fl-iskola tagħna . Dan ifisser li lkoll kemm aħna rridu noqogħdu attenti biex negħlbu kull tip ta ‛ bullying li jista ‛ jeżisti fil-klassijiet tagħna . Irridu nistmaw lil xulxin l-istess . Jeħtieġ li nitgħallmu naċċettaw bħala ħutna lill-barranin kollha li qegħdin jattendu l-iskejjel tagħna , kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk li ġejjin mill-Asja u mill-Afrika . Irridu nevitaw li noħolqu klikek skont aħniex intelliġenti jew inqas intelliġenti , aħniex sbieħ jew inqas sbieħ , irqaq jew ħoxnin , sinjuri jew inqas sinjuri , skont l-irħula jew il-parroċċi , skont il-partiti politiċi . Irridu nevitaw li xi ħaġa jew xi ħadd jifirduna minn xulxin .
Hekk dan l-eżerċizzju sabiħ iservi biex kull skola tingħaqad flimkien , studenti , familji , għalliema u responsabbli . Hekk l-iskejjel kollha ta ‛ Għawdex flimkien ma ‛ dawk ta ‛ Malta jservu mhux biss bħala tħejjija għal professjoni li tħalli qligħ xieraq , imma fuq kollox bħala tħejjija għal ħajja umana sabiħa u dinjituża li tixraq lill-ulied maħbuba tal-Missier .