2022 | Page 71

FESTA 2022

San Pawl u l-festi f ’ Ħal Safi tul dawn it-tmien snin : Niftakar u ngħożż sewwa

Messaġġ għall-Festa 2022 mill-Ex-Kappillan il-Kan . David Farrugia
Nistqarr li meta ġejt avviċinat mid-diriġenti tal-Każin sabiex nikteb f ’ dan il-ktejjeb marbut ma ’ din il-ġimgħa tal-festa ta ’ San Pawl , hekk għażiża u għal qalb il-Ħal Safin , erġajt bdejt inġedded ħafna tifkiriet u memorji sbieħ li għext magħkom .
Niftakar l-ewwel festa , għadni ġej , bilkemm nafkom , u niltaqa ’ magħkom b ’ tant ħeġġa għal San Pawl ; niftakar ukoll f ’ dik l-esperjenza pjuttost qarsa tal-pissidi li nsteraq mill-knisja lejlet il-festa , li kienet se ttappnilna sew din l-ewwel festa flimkien . Iżda għall-grazzja ta ’ Alla , sassena ta ’ wara kollox kien issolva : il-pissidi nstab u ġie ppreżentat dak in-nhar li lqajna lura fostna lill-istatwa titlulari ta ’ San Pawl mir-restawr bil-lest għall-festa tal- 2015 . Niftakar li rajt diversi minnkom taqbżilhom demgħa ta ’ ferħ xħin San Pawl tfaċċa fil-fetħa ta ’ quddiem Santa Marija fost id-daqq tal-innijiet Pawlini u l-kant u ċ-ċapċip li jakkumpanjahom . Tassew għexna mumenti li mlewni kuraġġ u rajt li flimkien mal-kummissjoni restawr nidħlu għal biċċa xogħol oħra ta ’ restawr meħtieġ : il-Bankun u l-Bradella , li wkoll iżżanżnu restawrati f ’ Jannar 2016 , fejn fl-istess xahar konna ċċelebrajna quddiesa speċjali fil-Katidral tal-Imdina b ’ rabta mas-Sena tal-Ħniena li konna qed ngħixu flimkien mal-Knisja Kattolika b ’ rieda ta ’ Papa Franġisku .
Niftakar sewwa wkoll is-sena 2017 li fiha fakkarna l-1950 anniversarju tal-Martirju ta ’ San Pawl , u aħna f ’ Jannar konna għamilna pellegrinaġġ lejn il-grotta ta ’ San Pawl fir-Rabat u rajna li l-festa ta ’ Awwissu tkun tassew speċjali billi tkun immarkata mill-miġja tarrelikwa tal-kolonna ta ’ San Pawl fostna , li nħarġet mhux biss fil-purċissjoni tat-translazzjoni imma wkoll ta ’ jum il-festa .
Fl-okkażjoni tal-175 sena tal-istatwa titulari ta ’ San Pawl f ’ Ħal Safi , l-Erbgħa 23 ta ’ Jannar , 2019 , niftakar għamilna Pellegrinaġġ għall-Kolleġġjata ta ‘ San Pawl fil-Belt Valletta fejn fl-aħħar ta ’ quddiesa li ċċelebrajna hemm inqrat it-traduzzjoni tal-kuntratt li bih ġiet ikkummissjonata l-istatwa ta ’ San Pawl talinjam lill-iskultur Alessandru Farrugia taż-Żejtun u li kellu jkun jixbah lil dak tal-Kolleġġjata Beltija . Niftakar b ’ sodisfazzjon ukoll ir-rigal li tajna biex nibqgħu nġeddu mħabbitna lil San Pawl : il-Bankun tal-Forċini , li jikkumplimenta l-Bankun u l-Bradella li kienu ġew iddisinjati minn Emanuel Buhagiar . Tassew xeraq .
L-2020 kienet immarkata mill-pandemija Covid-19 u r-restrizzjonijiet li daħlu fis-seħħ fejn ma stajniex niċċelebraw ilfesta bħas-soltu , imma minkejja kollox , xorta nġbarna b ’ wiċċna mgħotti u b ’ mod limitat ħafna sabiex niċċelebraw l-Ewkaristija tal-Festa , li dik is-sena saret filgħaxija . Minkejja li s-sena ta ’ wara , il-marda tal-Covid-19 kienet għadha fostna , il-festa interna ġiet ftit aktar għan-normal , minkejja li l-purċissjonijiet xorta ma stajniex nagħmluhom . Imma żgur li żewġ mumenti li nibqa ’ ngħożż huma l-mument tal-preżentazzjoni tal-abbozz tal-istatwa titulari fi tmiem il-quddiesa ta ’ lejlet il-festa , u l-quddiesa ta ’ filgħaxija ta ’ nhar il-festa bis-sehem tal-Banda San Pawl . Esperjenza unika tassew !
Jiena u nħares lura , għax dawn il-festi jfakkruni ma ’ tant uċuh li lmaħt u ltqajt , u tabilħaqqt nirringrazzja lil Alla u lilkom li b ’ fiduċja u kooperazzjoni stajna ngħixu mumenti sbieħ u partikulari u li komplejtu tħeġġuni biex niskopri s-sbuħija ta ’ dan il-qaddis għażiż , li ma ntrabatx ma ’ post wieħed biex ikun xhud u xandâr tal-Mulej , imma għax Appostlu ġie maħtur , telaq idur id-dinja ta ’ żmienu f ’ tant artijiet sabiex ixandar lil Ġesù t-tagħlim , hekk kif b ’ tant ħeġġa nkantaw :
Minn hemmhekk tlaqt , dort id-dinja , / Ta ’ Ġesù t-tagħlim xandart U fil-medda ta ’ mixjietek / Ħsibt ukoll f ’ din-naqra t ’ art !
Jiena wkoll kelli nimxi għal esperjenza u missjoni ġdida , hekk kif talbuni s-superjuri tiegħi , mhux tant ’ il bogħod bħalma ġera San Pawl , imma xorta fuq il-passi tiegħu sabiex nibqa ’ mħeġġeġ bl-Ispirtu tal-Mulej li għażilna biex inkunu xhieda tiegħu kull fejn inkunu . Għalhekk , indur lejn Alla u lejn San Pawl , u b ’ tant ħrara nitolbu għalija u għalikom lkoll u ngħidlu :
Ieqaf magħna , ħares fuqna , / Waqt li ħfif jittajru s-snin , Itfa ’ l-barka , itfa ’ s-sliema / Fuq uliedek Ħalsafin .
Viva San Pawl u l-Festa t-Tajba lil kulħadd !

FESTA 2022

Każin Banda San Pawl , Safi
25 Sena Kamra tan-Nar San Pawl - Safi
71